Il-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili dalgħodu kienu għadhom qegħdin jissieltu man-nirien li ħakmu l-Miżieb ilbieraħ, u qalu lil Newsbook.com.mt li minkejja li m’hemm xejn kbir, x’aktarx għandhom jumejn ġejjin u sejrin biex jitfu n-nirien peress li dan faċilment jerġa’ jaqbad. Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti qalet li hemm suspett li n-nar ma bediex waħdu, u l-Ministeru għall-Ambjent ma nnegax dan il-fatt. Waranofsinhar, l-FKNK ħabbret li r-riżervi tagħha fil-post kienu ġew vandalizzati.
L-FKNK qalet li hija kkuntattjat lill-pulizija biex jinvestigaw dan il-vandaliżmu li kien magħmul minn skart imferrex fuq il-post. Hija qalet li l-ebda ħsara, vandaliżmu, vendikazzjoni jew provokazzjoni mhi se twaqqaf ix-xogħol jew taqta’ qalb il-membri tagħha fir-Riżervi tal-Miżieb u tal-Aħrax, filwaqt li baqgħet tinsisti li r-Riżervi jkollhom s-sorveljanza uffiċjali neċessarja u l-infurzar adekwat kif xieraq.
Dan in-nar jidher li qabad kawża tas-sħana li ħakmet lill-Gżejjer Maltin f’dawn l-aħħar jiem. L-awtoritajiet qed jappellaw lill-Kunsilli Lokali sabiex jieħdu ħsieb li jitneħħa l-ħaxix ħażin minn akkwati pubbliċi jew miftuħa filwaqt li l-bdiewa kemm jista’ jkun għandhom iwarrbu l-ħaxix qabel tikkarga s-sħana.
Sfortunatament ritratt mehud issa, qed jerga jaqbad
Posted by Mizieb Hunting Reserve on Saturday, June 22, 2019
“Irid isir pjan ta’ riġenerazzjoni” – Il-Ministeru
Il-Ministru għall-Ambjent talab lill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u lil Ambjent Malta sabiex issa li n-nirien ġew kontrollati u mitfija, fil-biċċa l-kbira, b’mod immedjat jibda eżerċizzju ta’ analiżi tal-ħsara li saret min-nirien li ħakmu ż-żona. Dan għandu jwassal ukoll sabiex jiġi identifikat pjan biex iż-żona tiġi riġenerata bl-aħjar mod possibbli u b’interventi li jħallu l-inqas impatt ekoloġiku.
Il-Ministru jsostni li filwaqt li f’dan l-istadju għadu mhux magħruf x’wassal għall-kawża tan-nirien li ħakmu, ikun għaqli li bħala punt ġenerali l-pubbliku joqgħod attent biex ma jarmix skart f’dawn it-tip ta’ postijiet, jevita għalkollox li jitqabbdu xi nirien, kif ukoll ikun aktar kawt f’dak kollu li jkun qiegħed jagħmel biex jiġu evitati inċidenti bħal dawn.