Filmat: Għaddew 16-il sena… ma xebgħux joħolqu tbissima!

Din is-sena se tkun is-16-il sena tal-maratona ġbir ta’ fondi Oħloq Tbissima organizzata miċ-Ċentru Animazzjoni Missjunarja.

Newsbook.com.mt tkellem ma’ Marthese Brincat, waħda mill-organizzaturi li tieħu ħsieb il-qasam viżiv tal-maratona.

Marthese spjegat li l-maratona hija maqsuma fuq 60 siegħa ta’ xandir kontinwu bil-għan li jinġabru fondi għall-Patrijiet tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl li jagħmlu l-missjoni tagħhom fil-Perù, fil-Pakistan, fil-Filippini u jgħinu wkoll lit-tfal ta’ Dar San Ġużepp, ir-residenza fejn propju tiġi organizzata l-maratona.

Marthese spjegat li fost l-avvenimenti li se jkunu qed isiru waqt il-maratona se jkun hemm bosta kantanti, logħob u personaġġi rinomati. Se jkunu qed jintwerew ukoll xi intervisti mal-missjunarji fil-Perù u diskussjonijiet oħra.

Filwaqt li spjegat li l-maratona se tiġi mxandra fuq l-istazzjon tal-Partit Laburista u dak tal-Partit Nazzjonalista, kif ukoll fuq TVM2, talbet lil kull min jista’ sabiex jattendi u jagħmel id-donazzjoni tiegħu f’Dar San Ġużepp. Spjegat li dawk kollha li se jkunu qed jieħdu sehem fil-maratona għandu jkollhom udjenza liema bħalha turihom sapport.

Jekk trid tagħti donazzjoni tista’ tagħmel dan waqt il-maratona Oħloq Tbissima li se ssir fl-20, fil-21 u t-22 ta’ Lulju fuq:

  • €10 – 5160 2004
  • €15 – 5170 2007
  • €25 – 5180 2009
  • SMS €4.66 – 50618099
  • pledge line – 21445544