Filmat: “Għadda ż-żmien tad-diskriminazzjoni u l-istigma” – Il-President

Read in English.

Kampanja fotografika ġdida għandha l-għan li żżid il-viżibilità ta’ persuni b’diżabilità billi turihom jagħmlu dak li l-aktar igawdu fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.

Ikkummissjonata mill-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD), il-kampanja ‘Different is Normal’, tikkonsisti f’sett ta’ 12-il ritratt individwali ta’ persuni b’diffikultajiet varji jieħdu sehem f’attivitajiet bħal żfin, teatru, għawm, ġinnastika, sprint u bawling.

Ritratti oħra juru nies jaħdmu fuq l-aspirazzjonijiet tagħhom: ġuvni qed jistudja biex isir kok; filwaqt li oħrajn juru mumenti ta’ kuljum bħal omm tilgħab ma’ bintha jew mara miexja ma’ żewġha.

Ir-ritratti, meħuda mill-fotografu rebbieħ Darrin Zammit Lupi, jonqsu milli juru persuni b’diżabilità bħala ‘vittmi’ jew bħala ‘eroj ta’ ispirazzjoni’: għandhom l-għan li juru persuni li inzerta li għandhom diżabilità.

Ritratt: Annabelle Xerri

“Ir-ritratti jirrappreżentaw il-passjonijiet u l-aspirazzjonijiet ta’ dawn il-persuni”, qal il-Kummissarju tas-CRPD Oliver Scicluna. “Meta tarahom flimkien, huma ċelebrazzjoni tad-diversità, li jbiegħdu l-kunċett li persuni b’diżabilità jagħmlu parti minn kategorija binarja, fejn speċifikament, huma l-kuntrarju ta’ dawk li m’għandhomx diżabilità.”

Ritratt: Julian Bajada

Fit-tnedija ta’ din il-kampanja, l-Eċċellenza Tiegħu l-President George Vella qal li għadda ż-żmien tad-diskriminazzjoni u l-istigma u llum qed indaħħlu mentalità li l-persuni b’abbiltajiet differenti għandhom drittijiet li kienu mċaħda minnhom qabel. “Nixtieq li nneħħu d-differenzi bejn dawk li jsejħu lilhom infushom bħala normali u l-persuni b’diżabilità.”

Is-Segretarju Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità attiva Anthony Agius Decelis qal li l-kampanja fotografika tal-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, hija idea mill-aqwa li tagħmel parti mill-viżjoni ta’ dan il-Gvern li jwaqqa’ l-barrikati fil-qasam tad-diżabilità, u titwettaq l-inklużjoni soċjali.

Ritratt: Maja Theuma

F’Malta, hemm kważi 20,000 persuna b’diżabilità rreġistrati mill-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità. Madankollu, il-persuni b’diżabilità huma fil-biċċa l-kbira tagħhom assenti minn stampi, TV, politika, tmexxija. Filwaqt li saru passi kbar ħafna, ix-xbihat ta’ persuni b’diżabilità fl-isfera pubblika għadhom fil-biċċa l-kbira inviżibbli, bi ftit persuni b’diżabilità jieħdu sehem attiv fil-ħajja pubblika.

Ir-ritratti, li jinkludu firxa ta’ diżabilitajiet fiżiċi, sensorjali, intellettwali u psikoloġiċi bħal spina bifida, Down Syndrome, nuqqasijiet tas-smigħ u tal-vista, ADHD u awtiżmu, għandhom ukoll l-għan li jiftħu tieqa diretta fuq il-ħajja ta’ persuni b’diżabilità, billi jpoġġu l-istejjer individwali tagħhom fiċ-ċentru.

Ritratt: Antonio Flores

Il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità taħdem biex twettaq il-missjoni tagħha li tara li s-soċjetà Maltija hija waħda inklużiva, b’mod li l-persuni b’diżabilità jistgħu, permezz ta’ opportunitajiet indaqs fl-aspetti kollha tal-ħajja, jissodisfaw il-potenzjal tagħhom bħala persuni li jgawdu kwalità ta’ ħajja ogħla.

Meta tonora dan l-impenn, is-CRPD taħdem sabiex is-soċjetà tista’ telimina kwalunkwe forma ta’ diskriminazzjoni diretta jew indiretta kontra persuni b’diżabilità jew il-familji tagħhom filwaqt li tipprovdi l-għajnuna u l-appoġġ neċessarju.

Ritratt: Noel Aquilina

“F’ċertu sens, parti mir-rwol tagħna huwa li nies b’diżabilità jkunu viżibbli, u ngħinu biex jinbidlu l-perċezzjonijiet madwar id-diżabilità”, qal il-Kummissarju.

Ara r-ritratti fuq il-paġna ta’ facebook tas-CRPD.