Filmat: Għadd ta’ voti tar-referendum fil-knisja waqt quddiesa

Qassis Katalan, li kien favur l-indipendenza tal-Katalunja mill-bqija ta’ Spanja, offra li jagħmilha tabirruħu li qed jiċċelebra quddiesa fil-Knisja tal-Madonna Mqaddsa ta’ Vila-Rodona, waqt li fil-verità n-nies ikunu qed jgħoddu voti tar-referendum.
Lil Patri Francesc Manresa ġietu f’moħħu din l-idea l-Ħadd li għadda, meta rrealizza li l-pulizija Spanjola ma kinitx se taqbad u tisgassa l-bieb ta’ knisja jekk ikun hemm quddiesa għaddejja.
Għalhekk, huwa libes l-ilbies tal-quddies u dderieġa liċ-“ċelebranti” fil-kant u t-talb, waqt li fil-fatt għadd minnhom kienu qed jgħoddu l-voti fuq mejda tal-injam maġenb il-patri, filwaqt li l-oħrajn setgħu isegwu l-proċess mingħajr biżà li se jiġu aggrediti.
Patri Manresa b’hekk sab mod ta’ kif jappoġġa r-referendum u fl-istess ħin jipproteġi lin-nies tal-kommunità li wkoll kienu favur l-indipendenza, hekk kif iktar minn 800 persuna sfat midruba mill-pulizija fuq ordnijiet tal-Prim Ministru biex iwaqqaf ir-referendum illegali milli jseħħ.
Ir-referendum ma firidx biss lis-soċjetà Spanjola, iżda rnexxielu jifred ukoll lill-Knisja, hekk kif madwar 400 qassis ħareġ fil-beraħ jgħid li jappoġġa l-indipendenza tal-Katalunja, filwaqt li qassisin oħra kienu kontra.
Filmat li juri din il-pantomima sħiħa għaddejja dlonk ittella’ fuq Twitter, inxtered fuq il-mezzi soċjali u qajjem furur, hekk kif ħafna nies skandalizzaw rwieħhom għax ħasbu li quddiesa ta’ veru kienet qed tiġi ċċelebrata waqt l-għadd tal-voti.