Filmat: Għadd ta’ papri qed imutu fis-Salina – BirdLife

Aġġornat 05:32 PM

Read in English.

Numru ta’ papri domestiċi qegħdin imutu kuljum qrib ir-Riserva Naturali tas-Salina minħabba li jinsabu morda. BirdLife Malta fi stqarrija spjegat li l-art fejn jinsabu dawn il-papri ma taqax taħtha iżda huma infurmaw lill-Awtoritajiet kompetenti sabiex tittieħed azzjoni, madankollu s’issa għadu ma sar xejn.

BirdLife Malta kompliet li l-ħaddiema tagħha fir-riserva raw numru ta’ papri domestiċi jmutu u dan in-numru qiegħed ikompli jiżdied. Żiedu li dawn il-papri jinsabu biswit il-kanal li hemm taħt il-livell ta’ triq prinċipali viċin l-entratura tar-Riserva Naturali tas-Salina u din il-parti ma taqax taħt BirdLife Malta. Min-naħa tagħhom huma tkellmu dwar din is-sitwazzjoni mal-awtoritajiet governattivi kollha fosthom l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), id-Dipartiment għas-Servizzi Veterinarji, id-Direttorat għas-Servizzi Veterinarji, id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali u d-Dipartiment tal-Animal Welfare iżda s’issa għadha ma ttieħdet l-ebda azzjoni.

Fl-istqarrija BirdLife Malta kompliet li huwa ċar li dawn il-papri jinsabu morda u hemm bżonn li tittieħed azzjoni sabiex tiġi mħarsa l-benesseri tal-papri domestiċi flimkien mal-abitat naturali ta’ din iż-żona li hija sit Natura 2000 u żona speċjali ta’ konservazzjoni.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta, Mark Sultana qal li hemm bżonn li din is-sitwazzjoni tissolva kemm jista’ jkun malajr. Żied li min-naħa tagħhom ilhom jinfurmaw lill-awtoritajiet li dawn il-papri domestiċi huma aljeni f’dan is-sit ta’ importanza ekoloġika qawwija u l-fatt li qegħdin jitrabbew mingħajr kontrol qed iwassal għad-detriment tal-bijodiversità tal-madwar u għall-papri. Kompla li l-BirdLife Malta kkomuminat mal-ogħla uffiċjali tas-Saħħa Pubblika għax din is-sitwazzjoni tista’ taħrab minn idejn l-awtoritajiet jekk ma tittiħidx azzjoni immedjata.

Din l-ispeċi ta’ papra domestika oriġinat mill-Amerika Ċentrali u l-Amerika t’Isfel u llum saret tajra li ġiet domestikata f’diversi pajjiżi. Dawn il-papri għandhom bżonn provvista kontinwa ta’ ilma ħelu. Dawn il-papri m’għandhom qatt jitpoġġew fis-selvaġġ f’Malta speċjalment qrib żoni kostali maġenb il-baħar.

Fis-6 ta’ Lulju d-Direttorat għas-Servizzi Veterinarji fi ħdan il-Ministeru għad-Drittijiet tal-Annimali qal li qed jittieħdu azzjonijiet xierqa mill-istess awtoritajiet fid-dawl tas-sejbiet pożittivi tas-sottotip H6 tal-Influwenza A (H6Nx) fil-lokalità tar-Riserva Naturali tas-Salina.

“Kif diġà kkomunikat flimkien mal-awtoritajiet tas-saħħa, evidenza epidemjoloġika turi li m’hemm l-ebda riskju magħruf ta’ mard fil-bnedmin minn esponiment għall-annimali infettati b’din it-tip ta’ influwenza,” qal id-Direttorat.

“Madanakollu, dan il-virus jista’ jiġi trażmess lil għasafar oħra u lil tjur domestiċi. Sabiex tissalvagwardja l-biedja lokali (speċjalment it-tjur) u l-għasafar selvaġġi, id-Direttorat qed jirriloka l-għasafar tal-ilma salvaġġ mir-Riserva Naturali tas-Salini biex jinżammu taħt il-monitoraġġ dirett tad-Direttorat għal aktar studji epidemjoloġiċi. Importanti li ħadd ma jiġbor jew iċaqlaq dawn l-għasafar lejn siti oħra mingħajr l-approvazzjoni meħtieġa mid-Direttorat inkwistjoni. Dan biex jipprevjeni t-tixrid ta’ dan il-virus għal annimali oħra f’Malta u li jistgħu jipperikolaw l-industrija tat-trobbija tat-tjur,” skont l-istess Direttorat.