Filmat: Għada jitfakkar il-jum għall-vokazzjonijiet

Read in English.

Għada, il-Ħadd 3 ta’ Mejju, huwa l-Jum Dinji ta’ Talb għall-Vokazzjonijiet. Għal din l-okkażjoni l-Arċisqof Charles Scicluna se jiċċelebra Quddiesa bil-Malti fid-9.30am. u Quddiesa bl-Ingliż fis-6.30pm mill-Kappella taċ-Ċentru tal-Vokazzjonijiet fis-Seminarju, Tal-Virtù. Il-Quddies jixxandar fuq TVM2 u Knisja.mt. Illejla wkoll, fis-7pm fuq Knisja.mt se tixxandar Quddiesa għaż-żgħażagħ bis-sehem ta’ wieħed mis-seminaristi li bħalissa qed jirċievi l-formazzjoni fis-Seminarju tal-Arċisqof.

Għal dan il-jum, iċ-Ċentru tal-Vokazzjonijiet tas-Seminarju pprepara filmat bit-titlu ‘Rooted’. L-għan huwa li juri l-biża’ li persuna tista’ tgħaddi minna meta tagħraf u taċċetta l-vokazzjoni tagħha, li mbgħad tinbidel bħal żerriegħa li tinbet u tiffjorixxi permezz tal-fidi u tal-għarfien tal-preżenza ta’ Alla.

Fid-dmir li nkomplu nitolbu għal aktar vokazzjonijiet – il-Papa Franġisku

Fil-messaġġ tiegħu għall-Jum Dinji ta’ Talb għall-Vokazzjonijiet 2020, il-Papa Franġisku qal li bħala Knisja, aħna fid-dmir li nkomplu nitolbu għal aktar vokazzjonijiet saċerdotali.

Il-Papa sejjaħ lill-Insara jitolbu “biex kulħadd jista’ jiskopri bi gratitudni s-sejħa li Alla qed jagħmillu, isib il-kuraġġ li jlissen ‘iva’, jegħleb l-għeja tat-taħbit bil-fidi fi Kristu u, fl-aħħar, joffri ħajtu bħala għanja ta’ tifħir lil Alla, għall-aħwa u għad-dinja kollha.”

L-għan taċ-Ċentru tal-Vokazzjonijiet huwa li jakkumpanja lill-adolexxenti u liż-żgħażagħ fil-mixja tagħhom lejn l-għarfien tas-sejħa personali li Alla jrid jagħmlilhom. Il-mira hi li ż-żgħażagħ jiskopru u jilqgħu bi ħġarhom is-sejħa għall-ħajja li huma msejħin għaliha: hiex il-ħajja miżżewġa, lajka impenjata, saċerdotali jew reliġjuża.

Riċentament iċ-Ċentru nieda l-websajt www.seminaryvocationscentre.mt li tinkludi blogs minn diversi persuni li sabu s-sejħa tagħhom permezz tal-ħidma li ssir minn dan iċ-Ċentru.

F’dan il-perjodu ċ-Ċentru qed itella’ programm kull xahar permezz ta’ konferenzi li qegħdin isiru fuq Facebook mmirati għal adolexxenti u żgħażagħ li huma ġuvintur, minn 12-il sena ’l fuq. Għal iżjed tagħrif, wieħed jista’ jikkuntattja lid-direttur taċ-Ċentru, Fr Stephen Magro, fuq in-numru 79964557, b’email vocations@maltaseminary.org jew fuq www.seminaryvocationscentre.mt. L-Insara huma mħeġġa biex jitolbu sabiex il-Mulej jgħin liż-żgħażagħ jiskopru l-pjan ta’ mħabba li Alla għandu għalihom.