Filmat: Għada huwa t’Alla

Min kellu jgħid lil Dr Michael Vella Haber u lil Evelyn Saliba La Rosa li kanzunetta li kienu kitbu madwar 9 snin ilu kellha tkun relevanti għaż-żminijiet tal-lum? Qed nirreferi għall-kanzunetta Għada huwa t’Alla li kienet oriġinarjament instemgħet għall-ewwel darba fis-sensiela D.R.E.A.M.S. li kienet tixxandar fl-2011.

Din is-silta partikolari, Għada huwa f’Alla, kienet ixxandret fl-episodji li ntwerew fi Frar tal-2012.

B’mużika ta’ Ray Agius u bil-vuċijiet ta’ Mikael Attard u Lara Dimech, Rewind Productions li kienu wasslu din il-produzzjoni ħadmu id f’id mal-cast u l-crew ta’ sensiliet bħal Sorelle, Ħbieb u Għedewwa u F’Ġieħ l-Imħabba biex proprju f’dawn iż-żminijiet fejn l-Awtorijiet qed iħeġġu lil kulħadd jibqa’ f’ġewwa daru, il-protagonisti ta’ dawn is-sensiliet aċċettaw li din id-darba jdaħħlu lit-telespettaturi ġewwa darhom.

“Grazzi lil dawk kollha li għenu f’din l-inizjattiva. Nirringrazzjakom talli għentu biex tgħinu li dan il-filmat iseħħ,” ikkummentat Evelyn Saliba La Rosa biex tirringrazzja lil dawk kollha li ħadu l-ħin biex jiffilmjaw il-biċċa tagħhom.

Inwasslulkom ukoll il-lirika ta’ din il-kanzunetta li tistgħu tkantaw magħha waqt li ssegwu l-filmat:

Għada huwa t’Alla

Mhux li kieku int temminni

Fuq dak li qed ngħidlek jien

Jien bħalek kont nippretendi

Li l-iżbalji tiegħi nagħmel jien

Il-libertà mhux qed noħodlok

Qed niftaħlek ftit għajnejk

Id-dritt xorta jibqa’ tiegħek

Li tagħżel tafda u taħraq idejk!

Refrain:

Ilbieraħ għadda u mar

U għalxejn toqgħod tibkieħ

Għada huwa t’Alla

U tippruvax tixtrieħ

Jaqbillek tgħix għal-lum

Għax dak biss tiegħek

Għalhekk stinka u aħdem u strieħ!

L-akbar riskju li nista’ nieħu

Hu li ma niħdux

Hekk għomri kollu ngħaddi

Nistaqsi, naħseb fuq li seta’ jkun

Jekk niżbalja u nerġa’ niżbalja

Ma jfissirx li ma niswa għal xejn

Fallut inħossni jekk f’ta’ madwari

Dejjem jien inwaħħal għal xejn b’xejn

Refrain:

Ilbieraħ għadda u mar

Bridge:

Ħafna drabi kulħadd mhedi jipprepara

Biex xi darba jibda jgħix

L-isfortuna li bla dubju

Ħajtu jgħaddi jipprepara u qatt ma jgħix

Refrain:

Ilbieraħ għadda u mar

Jiena f’ħajti m’għamiltx żbalji

Tgħallimt biss lezzjonijiet

Wieħed, wieħed jissejħu żbalji

Maturità jissejħu fil-mijjiet

Jekk tippermettili u toħodni lura

Xejn ma nbiddel minn dak li għamilt

Dan għaliex jekk dan jien nagħmel

Nispiċċa nitlef kull ma nkun għamilt

Refrain:

Ilbieraħ għadda u mar

Kemm nixtieqni naf x’se jiġri

Għax bħalissa ma nafx fejn jien

Ilbieraħ bil-wisq kont ferħana

Illum ma nafx għax għadda ż-żmien

Għalhekk d-dinja tonda Alla għamel

Ħalli t-triq ma narawx fil-bogħod

Illum ninsab bejn il-biża’ ta’ għada

U l-memorji  tal-bieraħ ferm ‘il bogħod

 Refrain:

Ilbieraħ għadda u mar

Bridge:

Ħafna drabi kulħadd mhedi jipprepara

Biex xi darba jibda jgħix

L-isfortuna li bla dubju

Ħajtu jgħaddi jipprepara u qatt ma jgħix

Refrain:

Ilbieraħ għadda u mar