Filmat: “Għad immut ngħallem il-Malti”

Mary Rose Gatt, li qattgħet ħajjitha tgħallem il-Malti, għadha tgħallmu fi xjuħitha lil dawk l-istudenti li l-familji tagħhom ma jaffordjawx iħallsu għal-lezzjonijiet tal-privat.

“Għad immut qed ngħallem il-Malti, daqshekk hu għal qalbi l-Malti,” temmet tgħid Gatt waqt intervista li saritilha mill-Kumitat tal-Għaqda tal-Malti bħala parti mid-dokumentarju Niftakar. Gatt fil-fatt kienet involuta fil-ħidma tal-istess għaqda studenteska fis-sittinijiet, meta l-Għaqda, li taqa’ taħt id-Dipartiment tal-Malti fil-Fakultà tal-Arti fl-Università, kienet immexxija mill-Prof. Ġużè Aquilina. Kienet tieħu ħsieb it-tqassim tar-rivista tal-Għaqda, Leħen il-Malti, rivista li għadha tiġi ppubblikata llum.

L-għalliema Ħamruniża qalet li issa tbati b’riġlejha, allura ma toħroġx mid-dar, iżda tara kif tagħmel biex twassal l-imħabba tagħha lejn il-Malti xorta waħda. Dan tagħmlu billi tagħti lezzjonijiet minn darha stess. Mhix beħsiebha tieqaf tgħallem fil-futur qarib, tant li qalet li timmaġinaha tmut hi u tgħallem il-Malti. Qalet li minkejja l-età, il-Malti għadha tħobbu u għadha kapaċi tħaddmu intellettwalment.

Gatt kellha kliem ta’ tifħir dwar il-Prof. Aquilina, peress li għenha ferm fil-karriera tagħha u emmen fiha. Sejħitlu “il-blata li żammet il-Malti u żviluppatu” u qalet li hi kienet l-id il-leminija tiegħu. Spjegat kif għenha wkoll fit-teżi tagħha tal-Maġisteru dwar id-dizzjunarju tal-Għawdxi Ġan Franġisk Agius De Soldanis. Qalet li “b’riħet Aquilina,” it-teżi tagħha ġiet eżaminata fi tliet universitajiet barranin u pproponew li l-Università tonoraha b’dottorat, iżda dan ma ngħatalhiex, għax ir-Rettur tal-Università ta’ dak iż-żmien ma riedx li jinħoloq preċedent.

Hija tkellmet b’għożża fuq il-memorji tagħha mal-istudenti. Meta kienet involuta fl-Għaqda tal-Malti sikwit kienet toħroġhom għal lejliet letterarji, anke fuq xi vjaġġ lejn Għawdex fejn laqqgħethom ma’ Ninu Cremona u Ġorġ Pisani u anke ħadithom xi żjara fuq l-oqbra tal-kittieba Maltin. Qalet li l-ikbar sodisfazzjon għaliha huwa li tara lil dawk li kienet tgħallem jirnexxu fil-karriera tagħhom.

L-istudenti li għallmet jistmawha ħafna wkoll. Bosta minnhom ikkummentaw fuq il-filmat tagħha fuq il-paġna tal-Għaqda tal-Malti fuq Facebook, u qalu li mnalla kienet l-għalliema Mary Rose Gatt li rawmet fihom imħabba daqshekk kbira lejn il-lingwa Maltija.

Proġett ġdid li hu għal qalbna ħafna… 💓🤫

Posted by Għaqda tal-Malti on Wednesday, May 22, 2019

L-Għaqda tal-Malti s-sena li għaddiet ħadmet fuq dokumentarju dwar l-istorja tal-Għaqda bl-isem Niftakar. Dan id-dokumentarju jikkonsisti f’sensiela ta’ intervisti ma’ protagonisti mill-istorja tal-Għaqda tal-Malti, għaqda li tmur lura għas-sena 1931, meta twaqqfet mill-kittieba Rużar Briffa u Ġużè Bonnici. Il-filmati qegħdin jittellgħu fuq il-kont ta’ YouTube tal-Għaqda.

Tista’ tara l-intervista sħiħa hawnhekk.

Filmat: Għaqda tal-Malti – Università