Filmat: “Ġesù jixtieq li nieħdu ħsieb saħħitna” – l-Arċisqof

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna appella biex kulħadd jibqa’ fid-djar hekk kif bħalissa hemm id-direttivi tal-awtoritajiet f’mumenti diffiċli. L-Arċisqof għamel dan l-appell waqt l-Omelija tal-Quddiesa tal-Ħadd mill-Knisja ta’ San Franġisk, fil-Ħamrun li ġiet trasmessa LIVE fuq Newsbook.com.mt.

Huwa lissen il-kliem mill-Evanġelju fejn Ġesù jgħid lil Lazzru biex joħroġ mill-qabar. L-Arċisqof jispjega li Ġesù jixtieq li nieħdu ħsieb saħħitna allura mhux se jgħidlna: ‘oħroġ illum’ imma ‘oqgħod ġewwa’.

Spjega li Ġesù qed jgħidilna biex noħorġu mill-fosdqa tagħna li aħna kabbarna matul is-snin, forsi anke xi għamad fuq wiċċna li bih m’aħniex kapaċi naraw il-wiċċ tiegħu fil-proxxmu.

Fil-bidu tal-Omelija, l-Arċisqof semma l-esperjenzi tal-Italja u Spanja fejn qal li dawk milquta b’aħbarijiet kiefra ta’ nies imutu bla ħtija minħabba l-coronavirus jistaqsu lil Alla fejn hu.

Tenna li quddiem id-dgħjufija tal-bniedem Ġesù beka kif jinsab fl-Evanġelju ta’ San Ġwann. L-Arċisqof spjega li għalkemm kien konxju mis-setgħa tiegħu fuq il-mewt, quddiem il-bikja tal-umanità tal-ħbieb tiegħu, Ġesù “ħass ruħu titqanqal u tħawwad ħafna”.

Sostna li l-qawmien ta’ Lazzru huwa xhieda tal-qawwa ta’ Ġesù li tgħaddi wkoll fil-Knisja tiegħu. Qal li Ġesù jrid iqawwina b’fidi partikolari u għalhekk qed jitlob minna li nemmnu li huwa l-Messija, l-Iben ta’ Alla.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn