Filmat: “Ġeddejna l-wegħda li għamlu missirijietna l-Bormliżi 75 sena ilu”

Fl-aħħar ġimgħat, il-Bormliżi ġeddew il-wegħda li għamlu s-saċerdoti u l-komunità Bormliża 75 sena ilu permezz tal-pellegrinaġġ tal-Immakulata Kunċizzjoni.

Newsbook.com.mt tkellem mal-Arċipriet ta’ Bormla, il-Kan. Anton Cassar li rrakkonta kif 75 sena ilu kienet ittieħdet deċiżjoni mill-Kapitlu ta’ Bormla biex l-istatwa tal-Kunċizzjoni u l-kwadru titulari jittieħdu fil-Bażilika ta’ Sant Elena f’Birkirkara. Dan minħabba li Bormla kienet fost il-lokalitajiet li sfaw attakkati mill-ajruplani tal-għadu waqt it-Tieni Gwerra Dinija u Birkirkara kienet meqjusa bħala belt aktar sigura.

Aqra: Il-Madonna tgħidilna biex nagħmlu li jrid Ġesù – L-Arċisqof

L-istatwa baqgħet fil-Bażilika ta’ Birkirkara għal sentejn sħaħ sakemm il-gwerra battiet. Imbagħad l-istatwa ttieħdet lura fil-parroċċa ta’ Bormla b’pellegrinaġġ li għalih attendew eluf ta’ nies. L-Arċipriet spejga kif meta wieħed iħares lejn ritratti ta’ dak iż-żmien jara li filwaqt li l-bini ta’ madwar il-Knisja kien kollu mfarrak, il-Knisja nnifisha baqgħet wieqfa.

Il-Ħadd 3 ta’ Novembru ta’ din is-sena l-istatwa tal-Kunċizzjoni reġgħet ittieħdet proċessjonalment fil-Bażilika ta’ Sant Elena biex jitfakkar dak li kien ġara 75 sena ilu. Is-Sibt l-istatwa nħarġet proċessjonalment mill-Bażilika Elenjana. L-istatwa twasslet fil-Knisja tal-parroċċa ta’ Kristu Re f’Raħal Ġdid. Wara l-quddiesa ttieħdet proċessjonalment fil-parroċċa ta’ Bormla. 

Aqra: Filmat: 75 sena mill-Pellegrinaġġ tal-Kunċizzjoni ta’ Bormla

Fl-omelija tiegħu fil-Knisja Parrokkjali ta’ Kristu Re lbieraħ, l-Arċisqof Charles Scicluna qal li l-parir li l-Madonna tagħti lill-Bormliżi u lil kull Nisrani hu li jagħmlu dak li jgħidilhom Binha Ġesù. Eluf ta’ Bormliżi ppakkjaw il-Knisja Parrokkjali waqt quddiesa bħala parti mill-pellegrinaġġ bl-istatwa tal-Kunċizzjoni fi triqtha lura lejn il-Knisja Parrokkjali ta’ Bormla.