Filmat ġdid minn ġewwa l-Costa Concordia

Filmat ġdid li juri fuq ġewwa tal-cruise liner Costa Concordia, ġie ppublikat għaxart ijiem qabel ma’ l-bastiment jinġibed mill-gżira ta’ Giglio fejn ilu inkaljat sentejn.
Fl-inċident kienu tilfu ħajjithom 32 mill-4,200 passiġġier u membru tal-ekwipaġġ li kien hemm abbord.
Il-filmat miġbud mill-għaddasa tal-pulizija Taljana juri kif ġewwa inkesa bl-alka. Jidhru bibien mifqugħa, siġġijiet imkissra u injam imqaxxar.
Fix-xena tal-għeluq, l-għaddasa jiskopru s-sala ċentrali tal-bastiment, li parti minnha qiegħda ‘l fuq minn wiċċ l-ilma.
Il-bastiment, li hu twil 290 metru, ġie drittat u intrabat f’operazzjoni kumplikata ‘il barra mill-gżira ta’ Giglio, f’Settembru li għadda. It-temp kalm tas-sajf se jippermetti biex issa jinġibed lejn Genoa fejn se jitqatta’ għall-iskrapp.
Il-kaptan, Francesco Schettino, għaddej ġuri fuq akkużi ta’ qtil, li wassal biex il-bastiment inkalja u li abbanduna l-cruise liner.