Filmat ġdid biex tinstab Madeleine McCann

Ixxandar filmat ġdid tal-lejl meta għebet it-tifla Madeleine McCann ħames snin ilu, hekk kif il-ġenituri tagħha għamlu appell ġdid.

Il-filmat sħiħ ta’ 25 minuta se jixxandar għada filgħaxija fl-episodju tal-BBC Crimewatch.

Jinkludi rikostruzzjoni tal-logħba tennis li t-tifla lagħbet mal-ġenituri tagħha.

Se jixxandru wkoll ritratti li ħarġet il-pulizija Ingliża ta’ rġiel li jitkellmu l-Ġermaniż u li dehru fil-belt Portugiża ta’ Praia da Luz. Skont il-pulizija din hi l-iktar rikostruzzjoni dettaljata s’issa.

L-appell dwar l-għejbien tat-tifla mistenni jittieħed l-Olanda u l-Ġermanja l-ġimgħa d-dieħla.

Għada se tixxandar ukoll intervista mal-ġenituri ta’ Madeleine li jsemmu kif l-iktar li jħossu n-nuqqas tat-tifla huwa f’okkażjonijiet tal-familja. Dan minbarra f’għeluq snin it-tifla.

Dakinhar li għebet Madeleine, il-ġenituri ħarġu jieklu f’ristorant qrib il-kamra fejn kienet rieqda t-tifla. Waqt li jixxandar il-programm t’għada il-pulizija se jkollha grupp ta’ nies dedikati biex jirċievu t-telefonati tan-nies.

Xi jiem ilu kien żvelat li l-analiżi tat-telefonati mill-mowbajls li saru fl-inħawi ta’ fejn kienet it-tifla, jistgħu jitfgħu dawl ġdid fuq l-investigazzjonijiet.

S’issa, 442 persuna ġew investigati dwar il-każ.