Filmat: Gaia b’vidjow mużikali ġdid

Wara li l-ġimgħa l-oħra ħarġet l-ewwel silta tagħha bl-isem ta’ Why should I? ftit tal-ħin ilu l-kantanta Gaia Cauchi nediet ukoll il-vidjow mużikali tal-istess kanzunetta.

Din is-silta inkitbet minn Gaia stress flimkien ma’ Kevin Paul, bi produzzjoni ta’ Siconix fl-istudjos ta’ Wicked and Loud u sarilha mixing u muntaġġ minn Matteo Depares.

Il-vidjow għandu direzzjoni ta’ Steven Levi Vella flimkien mad-DOP Matthew Muscat Drago.

Gaia għad għandha 16-il sena izda l-kantawtrċi Gaia Cauchi llum il-ġurnata hija stabbilita fix-xena mużikali u timmira li tmiss ukoll mas-suq mużikali internazzjonali.

Meta kellha biss sentejn, Gaia kienet taf li d-destin tagħha kellu jeħodha fit-triq tal-mużika u kienet ċara għal dawk ta’ madwarha minn mindu kienet għadha lanqas biss bdiet timxi.

Iżda kien fl-2013 meta isem Gaia kien fuq fomm kulħadd hekk kif wara li kienet intgħażlet internament mill-PBS, ingħatat iċ-ċans li tirrappreżenta lil pajjijżna fil-Junior Eurovision li kien sar gewwa Kiev fl-Ukrajna. Bil-prestazzjoni stupenda tagħha tas-silta The Start, Gaia serqet il-qlub tal-Ewropa u spiccat billi rebħet il-kompetizzjoni. B’hekk Malta ngħatat iċ-ċans li torganizza għall-ewwel darba l-konkors fis-sena ta’ wara.

Matul dawn l-aħħar 12-il sena Gaia ma waqfitx taħdem u tistinka biex tagħmel isem għaliha nifisha kemm f’Malta kif ukoll barra minn xtutna, b’ta l-aħħar tieħu preċedenza fil-mument.

Fl-2018 Gaia applikat għal X Factor UK u tat prestazzjoni tas-silta ta’ Paloma Faith Only Love Can Hurt Like This quddiem il-ġurija kif ukoll udjenza numeruża li laqgħuha tajjeb ħafna. B’kummenti mingħand Robbie Williams ‘Għandek l- X Factor’ u l-kumment ta’ Ayda Field Williams ‘Inti kantanta inkredibbli’, Simon Cowell ta bidu għall-vot bil-frażi ‘Nista nkun l-ewwel wieħed li ngħid Iva’ u kompla Louis Tomlinson li kien parti mill-grupp One Direction ‘Din faċli – żgur IVA’. Gaia kompliet il-vjaġġ fuq X Factor, fuq parir tal-ġurija, flimkien ma’ erba’ tfajliet oħra bħala grupp bl-isem ta’ Sweet Sense fejn irnexxielhom jaslu sal-fażi tal-Judges Houses taħt il-ħarsien  ta’ Robbie Williams.

Wara l-esperjenza ta’ X Factor, Gaia rritornat lura Malta, iktar determinata minn qatt qabel biex taħdem fuq il-karriera tagħha u dan is-sajf kienet waħda mill-artisti lokali li tat prestazzjoni waqt l-Isle of MTV fuq il-Fosos, il-Furjana quddiem udjenza ta’ madwar 40,000 ruħ. L-artisti internazzjonali f’dan l-avveniment kienu jinkludu Ava Max, Bebe Rexha u Martin Garrix.