Filmat: Ftehim għal learning hub f’ċentru terapewtiku tal-Caritas

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Caritas iffirmaw ftehim sabiex jitwaqqaf learning hub fiċ-ċentru terapewtiku tal-Caritas f’Ħal Luqa.

L-iffirmar tal-ftehim sar illum fil-Kurja tal-Arċisqof.

F’kummenti lil Newsbook.com.mt, id-Direttur tal-Caritas Anthony Gatt qal li l-ħsieb huwa li dan iċ-ċentru jitwaqqaf fil-bidu tas-sena d-dieħla. Għandu jkun speċjalizzat u għandu jservi lin-nies li jkunu qegħdin jiksbu s-servizz tal-Caritas hemmhekk minħabba użu ta’ sustanzi, bħala għodda biex dawn ikomplu jistudjaw u jidħlu fid-dinja tax-xogħol.

B’hekk, l-adolexxenti li jkollhom użu problematiku ta’ sustanzi se jiksbu servizz terapewtiku fuq bażi residenzjali jew ta’ kura ta’ kuljum fil-Caritas Ibwar Adolescents Therapeutic Services (CIATS).

Il-ħtieġa għal servizzi professjonali u speċjalizzati mmirati għall-adolexxenti ġiet innotata mill-Bord Konsultattiv dwar il-Vizzji Nazzjonali (2015) wara analiżi fil-fond ta’ liema servizzi f’Malta u Għawdex huma offruti bħalissa għall-etajiet ta’ bejn 12 u 17-il sena, żmien ta’ sfidi serji bl-użu ta’ sustanzi.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici spjega li, “Fid-dawl tal-provvediment edukattiv, il-Kap taċ-Ċentru tat-Tagħlim fis-CIATS flimkien ma’ professjonisti relevanti, se jippjana programm edukattiv individwalizzat (IEP). L-IEP huwa meqjus bħala aspett integrali tal-pjan ġenerali tal-kura sabiex tkun żgurata kontinwazzjoni tal-vjaġġ edukattiv għal kull student.”

Il-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon stqarr li dan il-ftehim se jkun qed iħaddem programmi inovattivi, li mhux biss jipprovdu riforma għall-adolexxenti bi problema ta’ droga, iżda fl-istess ħin ilaħħqu mal-kumplament ta’ sħabhom, kemm fuq livell edukattiv u kemm fid-dinja tax-xogħol.

Il-programm edukattiv fis-CIATS għall-adolexxenti ta’ bejn it-12 u s-17-il sena se jkun akkreditat mid-Direttorat għall-Kwalità u l-Istandards fl-Edukazzjoni (DQSE).