Filmat: Ftehim bejn il-Gvern u l-Vatikan: Laptops għall-għalliema tal-Knisja

Read in English.

Ftehim bejn Malta u l-Vatikan se jwassal biex l-għalliema li jaħdmu fi skejjel tal-Knisja se jibbenefikaw mir-riżorsi li diġà għandhom l-għalliema tal-istat. L-edukaturi se jkunu qed jibbenefikaw minn laptops ġodda fix-xhur u s-snin li ġejjin, grazzi għal dan il-ftehim.

Il-Kindergarten Assistants u l-Learning Support Educators diġà ngħataw il-laptops fis-sena skolastika li għaddiet li kienu nxtraw mill-iskejjel stess.

F’kummenti li ta lil Newsbook.com.mt, l-Arċisqof Charles Scicluna qal li b’dan il-ftehim l-għalliema se jkunu qed joffru servizz ta’ kwalità aħjar lit-tfal li jattendu l-iskejjel tal-Knisja. Irringrazzja lill-Gvern Malti għall-appoġġ kontinwu tiegħu, kif ukoll lir-reliġjużi, il-qassisin u l-lajċi għad-dedikazzjoni tagħhom f’dan il-qasam.

Il-ftehim tħabbar illum waranofsinhar waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Arċisqof Charles Scicluna, in-Nunzju Appostoliku Alessandro D’Errico, il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Carmelo Abela.

Waqt il-konferenza, in-Nunzju Appostoliku stqarr li din l-aħbar intlaqgħet tajjeb mill-Vatikan, tant li ddeskriva dan il-ftehim bħala apprezzament sinċier lejn il-ħidma tal-Knisja Kattolika f’Malta u l-istituzzjonijiet tagħha fis-sistema edukattiva.

In-Nunzju spjega li fl-2018 il-Learning Support Educators u l-Kindergarten Assistants fl-iskejjel tal-Knisja ngħataw il-laptops. Semma li dan ir-riżultat wasal wara negozjati intensivi li bdew fl-2017.

Semma wkoll kif fil-bidu tal-ħidma tiegħu f’Malta ġie mgħarraf li dawn il-ħaddiema ma ngħatawx il-laptops bħall-ħaddiema tal-istat u li dan imur kontra l-ftehim iffirmat fl-1991. Dan il-ftehm jgħid li l-edukaturi tal-Istat u dawk tal-Knisja għandu jkollhom l-istess faċilitajiet.

In-Nunzju qal li minħabba li ma kienx hemm soluzzjoni immedjata, ġie ssuġġerit li jkun hemm Kummissjoni Konġunta bejn iż-żewġ entitajiet. Din ġiet aċċettata mill-Prim Ministru Joseph Muscat u sa Ġunju 2018 inħatru nies f’din il-Kummissjoni. Żied li wara diversi laqgħat ġie deċiż li l-laptops jingħataw lill-edukaturi kollha għall-aħjar interess tal-istudent.

D’Errico spjega li li wara li Dr George Vella nħatar President, spjegalu s-sitwazzjoni għax emmen li min-naħa tiegħu seta’ joffri s-sapport u jinkoraġġixxi lill-eżekuttiv biex iseħħ dan il-ftehim.

Ikkonkluda li r-riżultat ta’ din il-Kummissjoni Konġunta huwa sinjal ta’ reazzjoni tajba bejn Malta u l-Vatikan u jittama li dawn ir-relazzjonijiet ikomplu jikbru fis-snin li ġejjin.