Filmat: Il-Gvern jiffirma mal-privat; mira li jinġabru 90% tal-fliexken tal-plastik

Fl-erba’ snin li ġejjin, Malta qed timmira li tirkupra 90% tal-fliexken tal-plastik li jitqiegħdu fis-suq permezz ta’ magni li jaħdmu bil-kontra (reverse vending machines). L-iskema għandha tibda taħdem fis-sena li ġejja. Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li filwaqt li bħalissa, flixkun wieħed minn 4 jiġi rkuprat, il-Gvern qed jimmira li jiġu rkuprati 3 minn 4.

F’konferenza tal-aħbarijiet, l-Aġenzija għar-Riżorsi, l-Irkuprar u r-Riċiklaġġ u l-konsorzju Joint Venture ffirmaw ftehim dwar l-Iskema ta’ Rifużjoni tal-Kontenituri tax-Xorb. Il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru għall-Ambjent José Herrera kienu preżenti għal dan il-ftehim li sar fl-uffiċċju tal-Prim Ministru f’Kastilja.

Il-Prim Ministru saħaq li fis-snin li għaddew, il-problema tal-iskart ma kinitx qed tiġi indirizzata b’miżuri fit-tul. Skontu, ħadd ma basar kemm se joffri sfida l-iskart. Spjega wkoll li bit-tkabbir ekonomiku u iżjed konsum, jinħoloq iżjed skart, u qal li Malta m’għadx fadlilha fejn tiddepożita dan l-iskart.

Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru Herrera qal li l-Gvern jixtieq li jagħmel differenza u jkollu miri ambizzjużi, hu u jqis l-iskart bħala riżors.

Herrera qal li 200 miljun flixkun tal-plastik jispiċċaw fil-widien u fl-ibħra ta’ kull sena, u spjega kif l-operatur għandu jpoġġi vending machines madwar Malta u Għawdex li fihom wieħed ikun jista’ jiddepożita l-flixkun tal-plastik tiegħu. Herrera spjega li kull min jiddepożita flixkun, se jingħata 10 ċenteżmi.

Il-Prim Ministru indirizza lil dawk xettiċi minn din l-iskema u qal li l-istess ammont ta’ skart organiku li nġabar fl-2017, inġabar f’perjodu ta’ 6 ġimgħat minn mindu bdiet l-iskema tal-iskart organiku.