Filmat: “Ftakar minn fejn tlaqna” – ħu Dun Anton

X’qalu dwar Dun Anton: Programm speċjali ma’ nies li jafu lill-Isqof il-ġdid ta’ Għawdex

“Ftakar minn fejn tlaqna mhux fejn qiegħed”. Dan kien il-parir ta’ Joe Teuma lil ħuh Dun Anton li lbieraħ ġie kkonsagrat bħala d-disa’ Isqof ta’ Għawdex. Joe Teuma kien qed jiġi intervistat fil-programm speċjali li xxandar fuq 103 Malta’s Heart fl-okkażjoni tal-Konsagrazzjoni Episkopali li saret fil-knisja tax-Xewkija.

Joe Teuma (xellug) ħu Dun Anton Teuma (lemin)

Joe Teuma tkellem dwar il-mument li ħuh qallu li se jsir Isqof. Jirrakkonta li qal lil Dun Anton li jekk jiftakar fejn qiegħed biss jista’ jieħu tisbita u fakkru wkoll li jinsab fejn qiegħed bħalissa bis-saħħa tan-nies għaliex mingħajr il-kollaborazzjoni tan-nies ma tasal imkien.

Dun Anton huwa l-kbir fost erba’ aħwa.

“Ninkwitaw għax-xogħol li dieħel għalih”

Fl-intervista ma’ Sylvana Debono u Fr Joe Borg, Joe Teuma jgħid li bħala aħwa huma jinkwitaw għalih minħabba x-xogħol li dieħel għalih filwaqt li jgħid li qatt ma basru li Dun Anton se jsir Isqof.

Jirrakkonta episodji mill-ġrajjiet li huma qattgħu flimkien fosthom meta kienu jagħmlu l-presepju u meta fis-Sajf kienu jagħmlu tliet ijiem ġo kamra qrib il-baħar li biex tasal għaliha trid tixxabbat.

Dun Anton Teuma ma ħuh Joe

Dwar l-isports, Joe Teuma li ħuh minn dejjem kien sportiv. Semma kif mhux l-ewwel darba li marru l-ġirien għand ommu minħabba li jkunu kissru xi ħġieġ minħabba l-futbol.

Jispjega li ħass in-nuqqas ta’ ħuh meta Dun Anton daħal is-Seminarju fosthom peress li bħala aħwa li hemm biss sentejn bejniethom huma kienu jorqdu fl-istess kamra. Qal li dak iż-żmien, missierhom kien bir-raba u allura Dun Anton kien jgħin lill-familja b’mod regolari fl-għelieqi u anki fit-trobbija tal-bhejjem.

Mhux persuna taċ-ċerimonji  – Abraham Said, il-kuġin ta’ Dun Anton

Abraham Said, impreditur Għawdxi u kuġin ta’ Dun Anton qal li l-Isqof il-ġdid “mhux persuna taċ-ċerimonji”.

Mistoqsi fuq it-tifkiriet li għandu ta’ Dun Anton fit-tfulija tiegħu, Abraham Said qal li studja l-Filosofija miegħu. Jirrakkonta kif Dun Anton kien studja l-Filosofija mis-Seminarju u fi tmiem il-ġimgħa kien jagħmillu l-lezzjonijiet privati tas-suġġett. Jisħaq li Dun Anton huwa “tutor” mhux sempliċiment għalliem għaliex huwa persuna li jinżel għal-livell biex iwassal il-messaġġ tiegħu.

Huwa qal li Dun Anton għandu triq iebsa u saħaq li għandu biċċa xogħol iebsa biex jattira ż-żgħażagħ lejn il-Knisja.

“Se ssibu dejjem biex jiġi jitgħallem” – Michael Attard, Superjur tal-M.U.S.E.U.M.

Michael Attard, Superjur tal-M.U.S.E.U.M., qal li lil Dun Anton “sajf u xitwa, kesħa jew mhix, se ssibu dejjem biex jiġi jitgħallem”. Spjega li kien frekwenti u dejjem ubidjenti fil-klassi tad-Duttrina. Sostna għalhekk li “l-ġurnata sa minn filgħodu turik”.

“Jisma ħafna” – Ivana Farrugia mill-Kummissjoni Djoċesana Familji

Il-Perit Ivana Farrugia rrakkuntat l-esperjenza tagħha ma’ Dun Anton mill-Kummissjoni Djoċesana Familja. Qalet li Dun Anton jisma ħafna u jitgħallem mingħand il-koppji.

Kwalità li tispikka f’Dun Anton hija li huwa jgħix is-saċerdozju fil-ħajja tiegħu, bil-Perit Ivana Farrugia tgħid li għalkemm tinstema ovja iżda l-Isqof il-ġdid mhux biss jipprattika s-saċerdozju fuq l-artal jew waqt il-laqgħat iżda fil-ħajja kollha tiegħu. Saħqet li karatteristika oħra importanti f’Dun Anton hija li jistimola lil dawk ta’ madwaru biex jaħdmu.

Fil-programm ġie intervistat ukoll Joe Spiteri li huwa ħabib ta’ Dun Anton. Jirrakkonta kif fit-tfulija tagħhom kienu jgħixu fl-istess triq u mill-bidu kien jispikka li kien leader peress li kien jorganizza anke fl-isport. Spiteri jirrakkonta li Dun Anton kien il-bniedem li introduċa l-presepju makkaniku fil-knisja tan-Nazzarenu fix-Xagħra.

Dun Anton bl-ewwel żjara fil-knisja tax-Xewkija bħala Isqof

Hekk kif ilbieraħ il-Konsagrazzjoni Episkopali saret fil-knisja tax-Xewkija, din ma kinitx l-ewwel żjara ta’ Dun Anton minn meta tħabbar ismu bħala l-Isqof suċċessur tal-Isqof Mario Grech.

Nhar it-Tnejn 22 ta’ Ġunju li għadda, Dun Anton qaddes il-quddiesa fir-Rotunda ta’ San Ġwann il-Battista fl-okkażjoni tal-ġuranta eżatta mill-175 sena mill-wasla tal-Istatwa tal-Battista fil-parroċċa.

Ritratti: Mario Xerri