Filmat: F’subway f’Los Angeles kantanta bla dar rawha 4 miljun ruħ fuq Twitter

Filmat: Twitter/LAPD

Kantanta bla dar li tkanta fis-subway ta’ Los Angeles ngħatat kuntratt biex trrekordja album u fl-istess waqt issa jista’ jkollha saqaf fuq rasha. Wara tliet snin tkanta għall-passiġġieri li jitilgħu fuq it-tren, Emily Zamourka sabet xortiha meta ffilmjaha pulizija waqt li kienet tkanta, tefgħu fuq Twitter u f’qasir żmien rawha mal-erba’ miljun ruħ.

Zamourka, ta’ 52 sena, twieldet ir-Russja u tgħallmet il-vjolin u l-pjanu ta’ età żgħira. Fl-1991 marret tgħix Los Angeles fejn kienet taqla’ x’tiekol tagħti l-lezzjonjiet tal-mużika. Imma meta mardet kellha tħallas ħafna flus f’mediċini u kura fl-isptarijiet u ma kellhiex flus biżżejjed biex tħallashom. Għalhekk, biex tlaħħaq mal-ispejjeż, bdiet iddoqq il-vjolin fit-toroq u fis-subways.

Fl-2016 xi ħadd daħal f’darha u serqilha l-vjolin ta’ $10,000 waqt li kienet tkanta f’post ieħor. Minħabba f’hekk naqsilha d-dħul, ma kellhiex flus biex tħallas il-kera u tefgħuha barra fit-triq. Għal dawn l-aħħar snin kienet iddaħħal il-flus billi tkanta siltiet mill-opri fis-subway.

Ix-xahar li għadda meta kienet tkanta nzerta għaddej pulizija li ffilmjaha u tefgħu fuq Twitter. Ir-rispons kien eċċezzjonali u hi lanqas kienet taf x’ikkaġunat għaliex il-mobile li għandha lanqas tista’ taqbad l-internet fuqu. Ħabiba tagħha ċemplitilha u għarrfitha x’kien ġara. Zamourka lanqas riedet temmen.

Id-Dipartiment tal-Pulizija f’Los Angeles kiteb “4 miljun persuna f’Los Angeles. Hawn 4 miljun vuċi. Imma xi darba trid tieqaf u tisma’ vuċi waħda biss, biex tisma’  xi ħaġa sabiħa.”

Il-kantanta qalet li “Jekk hi r-rieda ta’ Alla li issa nbiddel ħajti, nagħtih ġieħ u nirringrazzja lil kulmin se jgħinni ma nibqax ngħix fit-triq.”

Joel Diamond, producer tad-diski nominat għal Grammy, issa offra kuntratt lill-kantant biex joħroġ album ta’ suċċess kbir stil klassiku għas-sopran tas-subway. L-album se jkun jismu Paradise u se jinħareġ fuq l-istess tikketta tad-diski tiegħu, Silver Blue Records.

Sadattant sar sit fuq l-internet fuq GoFundMe biex jgħin finanzjarjament lil Zamourka u fi ftit jiem tellgħu fih $70,000.

Nhar is-Sibt li ġej Emily Zamourka se tkanta waqt avveniment organizzat mil- Little Italy of Los Angeles Association.