F’sitwazzjoni estrema l-president jista’ jneħħi prim ministru skont l-eks Prim Imħallef Vincent De Gaetano.
De Gaetano qal dan waqt li kien qed jiġi intervistat minn Newsbook.com.mt.
Jemmen li l-President għandu ċertu poteri li huma ċari imma li mhumiex neċessarjament relevanti fis-sitwazzjoni preżenti. Qal li l-President għandu poteri impliċiti fil-Kostituzzjoni. Żied jgħid li għandu wkoll awtorità morali.
Skont De Gaetano, id-diskors li għamel il-President f’Jum ir-Repubblika kien wieħed interessanti u importantissimu. Jemmen li d-diskors kien wieħed li nkiteb mill-bidu sal-aħħar mill-President.
F’Jum ir-Repubblika, il-President George Vella talab lil kulħadd sabiex iżomm f’moħħu li r-Repubblika ta’ Malta hija ferm akbar minn “din il-klikka li ġabet dan l-għajb” fuq il-pajjiż.
“Forsi l-President jista’ ma jaqbilx li għandu dawn il-poteri impliċiti. Jiena l-mod kif naqra l-Kostituzzjoni huwa li l-Kostituzzjoni tipprovdi għal dak li normalment jiġri,” qal De Gaetano. Kompla jgħid li f’sitwazzjoni li mhix normali l-President għandu poteri impliċiti.
Qal li kieku kien hu, kien jeżerċita dawn il-poteri. Però, De Gaetano ammetta li hu m’għandux esperjenza politika. Saħaq li mhux qed jikkritika direttament lill-President.
“Però qed ngħid ċar u tond li l-President f’każijiet eċċezzjonali ġħandu s-setgħa li jagħmel hekk,” qal De Gaetano.
L-eks Prim Imħallef ġie mistoqsi dwar sitwazzjoni ipotetika fejn ikun hemm evidenza li PM ikun wettaq reat imma ma jkunx tressaq il-Qorti għax ikun hu li jikkontrolla l-Pulizija. De Gaetano qal li jemmen li anke f’każ bħal dan il-President ikollu l-awtorità li jneħħih.
Però, żied jgħid li jista’ jkun li xi ħadd ma jaqbilx mad-deċiżjoni u jiftaħ kawża l-Qorti. “Imma dik hi d-deċiżjoni li l-President irid jieħu,” qal De Gaetano.
Il-Ġimgħa, George Vella qal li huwa m’għandux setgħa jneħħi lill-Prim Ministru Joseph Muscat mill-kariga, ladarba dan igawdi l-appoġġ tal-maġġoranza tal-Membri tal-Kamra tad-Deputati.
Min hu Vincent De Gaetano?
Vincent De Gaetano twieled fl-1952. Sar Imħallef fl-1994 u sar Prim Imħallef fl-2002. Fl-2010 ġie elett biex ikun Imħallef mal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet Umani.