Filmat: F’sitwazzjoni ddisprata l-vittmi tal-użura jmorru għal soluzzjonijiet estremi

Għalkemm il-fenomenu tal-użura huwa magħruf, il-Pulizija ma tantx jirċievu rapporti dwar dan madankollu l-Caritas jirċievu diversi talbiet għall-assistenza minħabba l-problema tal-użura.

Dan is-suġġett ġie diskuss fil-programm Andrew Azzopardi on 103, is-Sibt filgħodu. Għal dan il-programm kienu mistiedna Fr John Avellino, il-ħaddiema soċjali Bernardette Briffa u l-voluntier mill-Caritas fil-Fondazzjoni għall-Vittmi tal-Użura Louis Bellizzi. F’dan il-programm kien hemm numru ta’ telefonati fosthom l-Arċisqof Charles Scicluna li fl-omelija tiegħu l-Ħadd li għadda “seħet” il-profitti li jagħmlu l-użuraj.

Fl-intervent telefoniku tagħha, l-Ispettur Sylvana Gafà li tmexxi l-Victim Support Unit fil-korp tal-pulizija qalet li l-pulizija ma tantx jirċrievu telefonati relatati mal-użura. Hija inkorraġġiet lill-vittmi biex jagħmlu l-kuraġġ u jagħmlu rapport. Gafà qalet li ħafna drabi l-vittmi tal-użura jirrikorru għand il-pulizija meta ma jkollhomx triq oħra.

Min-naħa tiegħu Louis Belizzi qal li l-Caritas tirċievi numru ta’ telefonati mil-vittmi. Huwa qal li jkollhom madwar tliet każijiet fil-ġimgħa.

Fr Avellino saħaq li n-nies mhux biss jibżgħu jirrapurtaw lill-pulizija imma ħafna drabi jwaqqgħu l-każ fil-Qorti minħabba li biża’ li jixhdu quddiem l-użuraj. Żied li ħafna drabi l-vittmi tal-użura jkunu mhedda. 

Sylvana Gafà qalet li din hija r-realtà u spjegat li l-pulizija jippruvaw isibu metodi differenti biex l-użuraj jixhdu u b’hekk issir ġustizzja. Żiedet li l-pulizija jakkupanjaw lill-vittmi fil-Qorti u jiġu offruti protezzjoni kif ukoll akkomodazzjoni alternattiva f’każijiet fejn l-użuraj ikunu jafu fejn joqogħdu.

Il-vittmi jkunu fix-xifer li jwettqu suwiċidju

Il-mistiedna fil-programm semmew diversi drabi li l-vittmi ikunu f’sitwazzjoni ddisprata. Il-psikjatra Anton Grech qal li hemm każijiet li persuni li jkollhom promlemi ta’ użura jikkunisdraw li jtemmu ħajjithom.

Fr Avvelino kkonferma dak li qal il-psikjatra Grech u żied li huwa personalment jaf persuni li għaddew minn ħsibijiet ta’ suwiċidju minħabba l-użura. Fl-aħħar snin Malta rreġistrat numru ta’ qtil li kellhom konnessjoni mal-użura.

Matul il-programm, Fr Avvellino qal li kien hemm każ ta’ persuna li ssellef il-flus bl-użura li nqatel ġo bar u n-neputi tiegħu ħa dan in-‘negozju’ f’idejh. Bellizzi qal li fi tmien snin voluniter mal-Caritas kien hemm numru ta’ użuraj li nqatlu iżda qatt ma kien hemm vittmi tal-użura li ġew maqtula.