Filmat: F’sena nħarġu 100 pazjent minn Monte Karmeli – Fearne

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li tul is-sena li ilhom jiġu rilokati l-pazjenti minn Monte Karmeli, diġà ġew rilokati iżjed minn 100 pazjent u issa għaddej il-proċess biex jiġu rilokati 18-il pazjent ieħor.

Aqra: Filmat: “F’Mater Dei dawk bi problemi ta’ saħħa mentali se jħossuhom milqugħin”

Id-Deputat Prim Ministru tkellem ma’ Newsbook.com.mt u qal li l-proċess ta’ rilokazzjoni tal-pazjenti minn Monte Karmeli ilu għaddej fuq sena, peress li xi swali fl-isptar qed jiġu rinovati u qed isir tibdil infrastrutturali. Il-pazjenti li jiġu rilokati huma dawk li m’għandhomx bżonn kura akuta mentali.

Aqra: 45 pazjent ilhom Monte Karmeli aktar minn 20 sena – Fearne

Waqt konferenza tat-tnedija tal-istrateġija nazzjonali tas-saħħa mentali lbieraħ, Fearne qal li ma jaħsibx li kienet b’kumbinazzjoni li l-Isptar Monte Karmeli kien infetaħ f’post kemxejn imwarrab, peress li l-istigma kienet hekk, li dawk morda mentalment jitwarrbu. Huwa qal li fl-isptar il-ġdid li se jinfetaħ fil-kampus tal-Isptar Mater Dei, il-pazjenti ħa jħossuhom aktar milqugħin, daqslikieku sejrin f’xi dipartiment ieħor tal-isptar.

Aqra: “Monte Karmeli hu 10% biss tas-servizzi tas-saħħa mentali”

Bħalissa, il-Ministeru għas-Saħħa għaddej b’diskussjonijiet mar-Richmond Foundation sabiex 18-il pazjent ieħor minn sala partikolari jiġu rilokati f’istituzzjoni oħra. Il-Ministru spjega li dawn ġeneralment ikunu pazjenti li jbatu minn skizofrenija jew mard mentali ieħor li m’għandhomx bżonn il-kura ta’ Monte Karmeli llum il-ġurnata, imma jistgħu jakkwistaw kura minn xi faċilità tar-Richmond Foundation.

Aqra: Monte Karmeli għandu jagħlaq – Fondazzjoni Richmond