Filmat: Frott u ħaxix jinqerdu minħabba x-xita qawwija ta’ Awwissu

Ix-xita tal-bieraħ,  għalkemm kienet imbassra żgur ma kinitx mistennija li tkun qalila.

Għalkemm ma kienx hemm ħsarat li ġew irrappurtati minħabba ix-xita li għadha kemm laqtet il-ġżejjer Maltin, din ħalliet impatt negattiv b’mod speċjali fuq il-bdiewa.

Dwar dan Newsbook.com.mt tkellem ma’ Michael Caruana mill-Qrendi, li għandu l-għelieqi u jesporta l-patata.

Michael stqarr li filwaqt li l-bdiewa jkunu jafu li bħal dan iż-żmien it-temp ikun qed jinbidel u jiġu l-għerejjex ta’ Santa Marija, żgur ma jkunux qed jistennew xita li tkun qawwija u qalila.

Filwaqt li stqarr li l-bidwi jħalli f’idejn in-natura, xita qawwija f’dan iż-żmien sħun f’Awwissu jwassal għal żieda fil-moffa fil-ħamrija li tkun sħuna.

Caruana qal li ħxejjex u frott tas-sajf li jkollhom l-ilma ikkontrollat, jinqerdu minħabba l-ilma żejjed tax-xita.

Frott bħad-dulliegħ u ħaxix bħalma huwa l-basal jispiċċaw jinqerdu kollha u jintremew.

Mill-banda l-oħra dawk il-bdiewa li bħal Michael Caruana jkunu se jibdew jiżraw il-patata tax-xitwa u għalhekk iridu isaqqi l-għelieqi, issa se jsibu x-xogħol lest.