Filmat: F’Ġieħ l-Imħabba jerġa’ jixxandar

Patrick Tanti u Evelyn Saliba La Rosa. Ritratt: Ivan Borg

Is-sensiela popolari F’Ġieħ l-Imħabba terġa’ tibda tixxandar illejla fid-9pm fuq TVM bir-repetizzjoni tal-puntati tal-ewwel staġun. Dan bi tħejjija għat-tieni staġun li se jkun jikkonsisti f’36 puntata. Mil-lejla TVM se jkun qed ixandar żewġ puntati wara xulxin ta’ din il-produzzjoni ta’ Rewind fuq ktiba ta’ Dr Michael Vella Haber u Evelyn Saliba La Rosa.

Fl-ewwel puntata nibdew billi naraw lil Antonio u lil Francesca flimkien. Ġie jarahom Ġużeppe, ħu Antonio. X’ġab miegħu? Min huma Gaetano u Bernardo? Dwar xiex tkellmu Ġużeppe u Antonio jew aħjar Totó? Ma’ min iltaqa’ fil-ġnien u x’qaltlu Francesca? Fejn kien sejjer Gaetano. Għaliex Karmelina talbitu biex jerġa’ lura d-dar magħha? X’ġaralhom? Bernardo x’għamel? Francesca x’marret tagħmel għand Ġużeppe? Min hu Marco? X’wissieh Ġużeppe?

Fit-tieni puntata Bernardo u Totó jitkellmu dwar dak li kien ġara… x’opinjoni għandhom? Għaliex mhux konvinti li Karmelina kienet involuta f’xi ħaġa illegali? Concetta tmur imbikkma għand Ġużeppe… x’qalilha? X’qaltlu Concetta dwar meta marret tiltaqa’ ma’ Gaetano? X’għamel bihom il-kaxxi tal-inbid Bernardo? Min kien hemm qed josservahom? X’mar jagħmel għand Ġużeppe? X’intqal wara l-funeral? Fejn mar Ġużeppe… x’sab meta daħal id-dar tagħha? Bernardo mar għand Lonza… x’ġara waqt li kien qed jiekol? Fejn mar?