Filmat: F’Malta l-problema tas-solitudni hi kbira – il-Professur Azzopardi

Il-Professur Andrew Azzopardi qal li f’Malta l-problema tas-solitudni hi kbira. Fil-programm Follow-Up fuq RTK, id-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà fl-Università ta’ Malta tkellem dwar kif f’dawn il-jiem ta’ ferħ u festi jkun hawn ħafna li jbatu mis-solitudni.

Matul il-programm issemmiet ukoll il-Prim Ministru Ingliż Theresa May li fil-kabinett tagħha poġġiet Ministru biex jieħu ħsieb jindirizza s-solitudni. Azzopardi qal li fl-Ingilterra 1 minn kull 5 qiegħed fis-solitudni u għaldaqstant din il-kwistjoni qed tiġi trattata bħala epidemija fil-pajjiż bl-importanza li teħtiġilha.

Stqarr li f’Malta żgur li hija problema imma ma jafx kemm hi problema kbira minħabba li m’hawnx riċerka.

Spjega li kien għalhekk li nħasset il-ħtieġa li l-Università taħdem fuq riċerka gradata, jiġifieri li l-informazzjoni tiġi ppubblikata biċċa biċċa skont kif tkun inġabret.

Il-Professur Azzopardi kkwota studju ieħor li jgħid li dawk fil-Knisja Kattolika jagħmlu inqas suwiċidju mill-Protestanti. Spjega li l-Knsija Kattolika b’differenza mill-Protestanti, tagħmel enfasi fuq il-kunċett tal-komunità.

Huwa qal kif din ma tistax issolviha b’soluzzjoni waħda għax hemm varjazzjoni ta’ kif wieħed jisfa’ fis-solitudni. Il-Professur Azzopardi spjega li kawża tas-solitudni, persuna tista’ tikkawżalha d-dimensja u mard relatat mal-qalb. Semma fost l-oħrajn li s-solitudni tinħass fi żmien ta’ dipressjoni, fejn allavolja jkunu mdawrin bil-familja u bil-ħbieb, xorta waħda jħossuhom waħidhom.

Semma wkoll, kwistjonijiet temporanji li jwassluk biex taħseb li qiegħed waħdek u iżolament mill-familjari minħabba xogħol. “Jista’ jkollok raġuni medika, klinika jew psikoloġika li tikkawża s-solitudni, u jista’ jkun bil-kontra, jiġifieri li s-solitudni tista’ tikkawża mard”, stqarr Azzopardi.

Il-programm ixxandar fuq RTK fil-jiem li għaddew u tista’ tarah hawnhekk.