Filmat: “Fl-interess pubbliku li jiġi ppubblikat ir-rapport tal-inkjesta Egrant” – PN

Il-Membru Parlamentari f’isem l-Oppożizzjoni Jason Azzopardi saħaq li s-sentenza li ngħatat mill-Qorti Kostituzzjonali t-Tlieta filgħodu tikkonferma li l-inkjesta dwar it-tielet kumpanija fil-Panama, Egrant, hi ta’ interess u importanza pubbliku.

AQRA: Filmat: ‘Il-PM qed jistenna l-appell tal-Qorti Kostituzzjonali’ – PL

Il-Membru Parlamentari Jason Azzopardi flimkien ma’ l-Kap tad-Delegazzjoni u l-Ewroparlamentari David Casa u l-kandidat tal-Partit Nazzjonalista Errol Cutajar indirizzaw konferenza tal-aħbarijiet li saret fid-Dar Ċentrali t-Tlieta. Huma tkellmu wara li l-Qorti Kostituzzjonali ddeċidiet li tiċħad it-talba li saret mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia biex ikollu kopja tar-rapport tal-inkjesta Egrant.

Azzopardi fl-intervent tiegħu sostna li l-Prim Ministru Joseph Muscat minkejja li rċieva r-rapport kważi sena ilu, dan għadu ma ġiex ippubblikat. Il-Membru Parlamentari saħaq li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jinsisti li r-rapport jiġi ppubblikat mill-iktar fiss filwaqt li fisser li dak li hemm fil-paġni li mhumiex ippubblikati jaf ikunu iktar importanti mill-konklużjonijiet prinċipali li ġew ppubblikati s’issa.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kien għamel rikors kostituzzjonali li fiha talab biex huwa wkoll ikollu aċċess għar-rapport tal-inkjesta Egrant. Egrant, hi waħda mit-tliet kumpaniji li nfteħu fil-Panama. Fil-Panama Papers kien ħareġ li Hearnville Inc. u Tillgate Inc., huma tal-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri rispettivament. Is-sid tat-tielet kumpanija Egrant għadu mhux magħruf. Muscat kien talab li ssir inkjesta dwar Egrant wara allegazzjonijiet li din setgħet kienet tal-mara tiegħu, Michelle Muscat. Il-konklużjonijiet tal-inkjesta li saret mill-Maġistrat Aaron Bugeja ġew ippubblikati fit-22 ta’ Lulju. Il-Magistrat Bugeja kkonkluda li ma rriżultax ippruvat sal-grad rikjest mill-liġi li Egrant kienet ta’ Muscat jew ta’ qrabtu.

‘Lil min qed jipproteġi Muscat?’ – David Casa

L-Ewroparlamentari David Casa qal li Muscat wiegħed li se jkeċċi lil Mizzi u Schembri jekk dawn ikunu taħt investigazzjoni kriminali. Spjega li minkejja li huma qed jiġu investigati kriminalment, Muscat kompla jiddefendihom. Huwa qal li kien hemm diversi drabi fejn il-Prim Ministru qal mod u għamel mod ieħor u semma l-każ tal-power station. Casa staqsa lil min qed jipproteġi l-Prim Ministru meta qed ikompli jiddefendi lil Mizzi u Schembri.