Filmat: “Fl-Avvent nifirħu għax qed nistennew il-miġja tal-ħabib tagħna” – L-Arċisqof

Arċisqof Charles Scicluna

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li aħna u nixegħlu d-dawl, inżejnu u nibdew dan l-istaġun tal-Avvent, għandna nifirħu għax qed nistennew il-miġja tal-ħabib tagħna.

Dan qalu waqt l-omelija tal-lum fil-quddiesa li ċċelebra fil-Kappella ta’ Wied Għammieq, il-Kalkara.

Din il-quddiesa tat bidu għall-istaġun tal-Avvent, li l-Arċisqof sejjaħlu “l-istaġun tal-istennija.” Fisser kif iżjed ma nersqu lejn il-Milied, iżjed ikollna dawl. Ix-xitwa ġġib magħha aktar dlam u inqas dawl tal-Bambin, allura d-dawl li nżejnu bih fil-Milied jagħti sinjal ta’ tama.

L-Arċisqof spjega li l-ewwel parti ta’ dan l-istaġun ma tiċċelebrax il-miġja tal-Mulej fil-Milied, imma l-miġja tiegħu fl-aħħar taż-żminijiet. L-Arċisqof Charles Scicluna ddeskriva l-mewt bħala laqgħa ma’ ħabib, li ma jfissirx li ma tweġġagħniex, imma hi idea li tagħtina wens għax “nafu li rridu niltaqgħu mal-ħabib li jħobbna.” Qal li hu jsejħilna biex niltaqgħu miegħu, u fl-Evanġelju tal-lum jgħidilna nistennewh b’għajnejna miftuħin waqt li nishru; irridu nistennewh anke waqt li norqdu.

Skont l-Arċisqof, il-Mulej jiġi wkoll fil-proxxmu, f’kull persuna li niltaqgħu magħha. Huwa qal li f’dan iż-żmien tal-Avvent, kulħadd irid jistaqsi lilu nnifsu, “Kif qed nistennieh lill-Mulej?” Fuq kollox, “Nixtieq niltaqa’ miegħu?” Mons. Scicluna qal li talba sabiħa li nistgħu nitolbu hija, “Ejja meta trid, imma m’iniex mgħaġġel.” Stqarr li l-Mulej jaf li aħna dgħajfin u li se nibqgħu ftit midjunin miegħu.

Huwa temm l-omelija tiegħu billi qal li, “Aħna u nixegħlu d-dawl u nżejnu, nifirħu li m’aħniex niċċelebraw xi ħaġa li saret snin ilu fl-Art Imqaddsa imma qed nistennewh jiġi bħala l-ħabib tagħna.”