Filmat: “Fl-Art Imqaddsa nħossni sigur daqslikieku Malta” – Patri Malti

Patri Noel Muscat tal-Franġiskani Minuri, li jaqdi l-missjoni tiegħu fl-Art Imqaddsa, qal li t-tensjoni li teżisti bejn l-Iżrael u l-Palestina mhux ħafna differenti mit-tensjoni li teżisti fid-dinja kollha u saħaq li ħafna drabi l-mezzi tax-xandir ikabbru dak li jkun qiegħed jiġri.
Hekk kif fil-jiem li ġejjin Patri Noel se jkun qed jirritorna lura fl-Art Imqaddsa, huwa qal ma’ Newsbook.com.mt li fl-Art Imqaddsa jħossu jgħix sigur daqskemm iħossu jgħix sigur f’Malta, saħansitra jgħid li xi kultant aktar iħossu “safe” f’Iżrael milli f’Malta.
Newsbook.com.mt tkellem ma’ Patri Noel dwar id-deċiżjoni ta’ Trump li jiddikjara l-Belt ta’ Ġerusalemm kollha kemm hi bħala l-belt kapitali tal-Iżrael u kif dan se jaffettwa ċ-ċelebrazzjoni tal-Milied fost l-Insara fl-Art Imqaddsa.
"Il-paċi mhux se jibnuha l-kbar tad-dinja"
Patri Noel saħaq li l-Milied se jkun wieħed normali u saħaq li prova ta’ dan hija s-serenità li fih ġie inawgurat il-presepju Malti ġewwa Betlem.
Ikkwota lill-Kustodju tal-Arti Imqaddsa, Patri Francesco Patton OFM, li dakinhar stess, fl-omelija tiegħu qal li: “il-paċi mhux se jibnuha l-kbar fid-dinja…il-paċi bniha l-Iben ta’ Alla fil-faqar tiegħu.”
Minkejja dan, ikkritika lil Donald Trump li fi kliemu qiegħed jimmina l-paċi u saħaq li dikjarazzjoni bħal din saret apposta biex ma jkunx hawn paċi.
“Il-Musulmani jirrispettaw u jiċċelebraw mal-Insara din il-festa”
Mistoqsi kif inhu ċċelebrat il-Milied fl-Art Imqaddsa, speċjalment f’Betlem, minħabba l-preżenza ta’ reliġjonijiet oħra, Patri Noel qal li minkejja li l-Iżlam huwa fil-maġġoranza, l-Insara jiċċelebraw il-Milied bl-akbar libertà.
Fil-fatt reġa’ rrefera għall-presepju Malti u fakkar li dan jinsab armat f’post pubbliku, post fejn il-maġġoranza tar-residenti huma Musulmana.
“Il-Musulmani jirrispettaw u jiċċelebraw mal-Insara din il-festa,” qal Patri Noel. “Ġewwa l-Art Imqaddsa r-reliġjonijiet dejjem għexu fi spirtu ta’ kollaborazzjoni.”
"Fl-Art Imqaddsa l-Kelma ta' Alla taraha b'għajnejn differenti"
Mistoqsi x’differenza tagħmel għalih bħala saċerdot il-fatt li jgħix fl-istess postijiet li jsemmi l-Evanġelju, Patri Noel iddeskriva l-Art Imqaddsa bħala t-tieni d-dar tiegħu u spjega li meta tkun hemm, u dan jgħiduh il-pellegrini, “il-Kelma t’Alla taraha b’għajnejn differenti.”
Patri Noel Muscat iwassal ukoll messaġġ tal-Milied, iżda għal dan ara l-filmat u aqsmu ma’ ħaddieħor.