Read in English.
Il-Viċi Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne wissa li aktar mat-temp jiksaħ iktar hemm ċans li l-pandemija tkun fl-agħar tagħha. Huwa insista li s-sitwazzjoni għadha taħt kontroll.
Il-Ministru tas-Saħħa waqt li kien qiegħed jitkellem fl-edizzjoni tal-programm Andrew Azzopardi on 103 spjega li n-numru ta’ każijiet pożittivi żdiedu madwar id-dinja partikolarment fl-Ewropa. Żied li s’issa t-temp, kemm f’Malta kif ukoll fl-Ewropa kien pjuttost sabiħ u bosta għadhom jilbsu l-flokkijiet tal-kmiem qosra. Huwa enfasizza li dan ma jfissirx li s-sitwazzjoni mhix taħt kontroll u reġa’ appella biex ma tiġix mewġa kbira u l-pajjiż ma jkunx jista’ jkampa.
Azzopardi fakkar f’dak li qalu l-infermiera, li s-sitwazzjoni qiegħda fix-xifer, min-naħa tiegħu Fearne qal li matul ix-xhur li għaddew fil-Gżejjer Maltin żdiedu r-risorsi sabiex tingħata l-kura lil kul min ikollu bżonn. Żied li s’issa kull persuna li kellha bżonn l-għajnuna ngħatat u ħadd ma ġie mċaħħad mill-għajnuna li kellu bżonn.
Min-naħa tiegħu Azzopardi kompla jenfasizza dan il-punt u semma n-numru ta’ mwiet li qed jiġu rrapurtati, l-Ministru qal li filwaqt li kull mewt hija traġedja, ir-rata ta’ mwiet f’Malta hija inqas mill-maġġoranza tal-pajjiżi Ewropej.
Fearne semma li wieħed mill-fatturi limitati huwa r-riżorsi umani u wissa biex kulħadd ikun responsabbli.
Ma nistgħux nibqgħu nirreaġixxu daqslikieku mhu qed jiġri xejn – L-MUMN u MAM
L-Assoċċjazzjoni Medika Maltija u l-Unjin Maltija tal-Infermiera u l-Qwiebel qegħdin jinsistu li Malta għandha tidħol f’lockdown qabel ikun tard wisq madankollu l-gvern qiegħed jibqa’ jirreżisti li ma jkunx hemm aktar miżuri.
Il-President tal-MAM, Martin Balzan qal li bin-numru ta’ każijiet pożittivi, Malta mhxu se tkun ‘il bogħod milli tilħaq l-massimu tagħha.
Balzan qal li wieħed ma jistax jibqa’ jirreaġixxi daqslikieku mhux qed jiġri xejn u spjega li curfew jew lockdown jistgħu jgħinu biex is-sitwazzjoni tibqa’ taħt kontroll. Huwa wissa li jekk jintilef il-kontroll se tikkorolla l-ekonomija kif ukoll is-sistema tas-saħħa.
Il-President tal-MUMN Paul Pace qal li huwa jinsab imħasseb għal mod kif kien qiegħed jiġi diskuss il-possibilità ta’ lockdown daqslikieku din kienet kwistjoni ta’ opinjoni pubblika. Huwa insista li l-argumenti dwar dawn il-kwistjonijiet għandhom ikunu xjentifiċi.
L-esperti ilhom iwissu żmien twil lill-Gvern – Claudio Grech
Il-Viċi Prim Ministru Chris Fearne ċaħad li kien hemm messaġġi inkosistenti bejnu u bejn il-Prim Ministru Robert Abela. Filwaqt li l-Viċi Prim Ministru u l-awtoritajiet tas-Saħħa wissew biex wieħed joqgħod attent, il-Prim Ministru kien qiegħed jinsisti fuq in-normalità. Huwa qal li kien naturali li l-miżuri li ttieħdu fil-bidu tal-pandemija jkunu inqas restrittivi meta n-numru ta’ każijiet pożittivi għall-Covid-19 beda jonqos.
Iktar tard fil-programm il-kelliem għall-Oppożizzjoni għall-ekonomija Claudio Grech qal li l-ekonomija u s-saħħa qegħdin kontra xulxin għall-kundanna tal-professjonisti tas-saħħa.
Huwa nsista li l-Partit Nazzjonalista ilu jisħaq li għandha terġa’ tissejjaħ emerġenza tas-saħħa pubblika għal darb’oħra. Huwa nnota li f’April li għadda meta kien hemm madwar 170 każ attiv ġiet iddikjarata emerġenza ta’ saħħa pubblika li twaqqfet f’Ġunju li għadda u issa li hemm madwar 2,000 każ attiv u għadha ma ssejħitx din l-emerġenza.