Filmat: “Fis-sajf hemm tendenza li aktar annimali jiġu abbandunati”

Read in English.

Fis-sajf hemm tendenza li aktar annimali jiġu abbandunati. Dan qalitu Heidi Grech mill-Animal Welfare tal-Ministeru ta’ Għawdex.

Hi qalet dan wara li l-Ministru Justyne Caruana ħabbret it-tielet edizzjoni tal-Pet Friendly Holiday. Grech qalet li minħabba l-fattur ta’ aktar annimali abbandunati fis-sajf, is-sezzjoni ħasbet biex torganizza kampanja ta’ għarfien kontra l-abbandun u l-moħqrija tal-annimali flimkien ma’ kampanja ta’ informazzjoni dwar is-servizzi offruti f’Għawdex.

Permezz ta’ din l-inizjattiva, dawk kollha li jmorru Għawdex bejn it-12 u s-17 ta’ Awwissu u jkunu akkumpanjati mill-annimali domestiċi tagħhom, se jingħataw pet ticket maħruġ apposta flimkien ma’ pakkett ta’ informazzjoni utli f’każ ta’ bżonn. Fi stqarrija ġie spjegat li l-Ministeru għal Għawdex se jkun qed jieħu ħsieb jipprovdi ilma addattat għall-annimali domestiċi fit-terminals kemm taċ-Ċirkewwa kif ukoll dak tal-Imġarr.

Il-Ministru Caruana qalet li matul din is-sena, il-Ministeru għal Għawdex investa f’ambulanza ġdida, running area fix-Xewkija, dog park fil-park tal-familja magħruf bħala Ta’ Sopu fin-Nadur kif ukoll kampanja ta’ neutering għall-qtates u fiż-żmien li ġej ukoll għall-klieb, l-inizjattiva tal-adozzjoni tal-annimali u tagħrif dwar it-trobbija tal-annimali domestiċi.