Filmat: Firma terġa’ tgħaqqad lil Raħal Ġdid

Dalgħodu fil-Knisja Parrokjali ta’ Kristu Re nkitbet paġna tad-deheb fl-istorja ta’ Raħal Ġdid.
Dan hekk kif dalgħodu ġie ffirmat kuntratt li permezz tiegħu l-Għaqda Mużikali Kristu Sultan ġiet rikonoxxuta wkoll bħala banda uffiċjali f’Raħal Ġdid.
Apparti minn hekk, b’mod uffiċjali, is-Soċjetà Filarmonika DePaule qablet li se tkun qed tirregala l-istatwa ta’ Kristu Re, lill-Knisja Parrokjali, biex tintuża bħala statwa titulari.
Dan il-kuntratt ġie ffirmat dalgħodu fi knisja ppakjata bin-nies wara Quddiesa mmexija mid-Delegat tal-Arċisqof Dun Frans Abdilla.
F’kelmtejn qabel, il-Kappillan tal-Parroċċa ta’ Kristu Re, il-Kanonku Dun Mark Andre Camilleri, irringrazja lill-Arċisqof, lill-Vigarju Ġenerali u anke lil Dun Frans bħala Delegat tal-Arċisqof għall-Parroċċi, għal dan il-pass li għamlu bil-għan terġa ssaltan l-għaqda f'Raħal Ġdid.
Fost ċapċipa twila, iż-żewġ presidenti tal-baned, iffirmaw dan il-kuntratt fil-preżenza ta’ nutar u l-Kappillan.
Spikkat it-tgħanniqa twila li ż-żewġ presidenti taw lil xulxin.
Issa, kif kien spjega l-Kappillan ma’ Newsbook.com.mt, se jibdew il-preparamenti biex jiġi deċiż meta se tkun qed iddoqq għall-ewwel darba l-Għaqda Mużikali Kristu Sultan u meta s-Soċjetà Filarmonika DePaule se tkun qed tirregala l-vara titulari, biex tidħol għall-ewwel darba fil-Knisja Parrokjali.
 
Filmat: Claire Bonello