Filmat: Firien għadhom jiġru f’din it-triq f’Marsalforn minkejja sena ta’ lmenti

Read in English.

Hemm għadd ta’ firien li qed jiġru fi Triq Frank Debono li qed jagħmlu festa mill-iskart li jsibu mormi min-nies. Minkejja sena ta’ ilmenti l-problema jidher li s-sitwazzjoni se tibqa’ tippersisti.

Nathaniel Attard, li jitla’ Marsalforn ta’ spiss villaġjatura, qal lil Newsbook.com.mt li ilu sena jilmenta dwar il-problema. Madanakollu jgħid li kliemu waqa’ fuq widnejn torox.

Attard qal li l-kuntrattur li jiġbor l-iskart minn Marsalforn sikwit jaqbeż Triq Frank Debono, bil-konsegwenza li l-iskart mormi jibqa’ jakkumula. Attard spjega wkoll li s-sitwazzjoni ssir agħar minn xi residenti rresponsabbli li jarmu l-iskart f’kull ħin tal-ġurnata. Biex ma jkunx parti mill-problema, Attard ġieli jtella’ l-iskart tiegħu fil-karozza biex jarmih meta jmur id-dar proprja tiegħu.

Attard qal lil Newsbook li hemm ukoll fattur ieħor li mhux qed jgħin. Spjega li hemm għalqa f’nofs iż-żona li tintuża’ bħala miżbla minn dawk li jkunu qed jarmu l-iskart. Qal li minkejja li saru lmenti biex jinbena ħajt quddiem l-għalqa biex jingħalaq l-aċċess għaliha, sal-lum dan il-ħajt għadu ma jeżistix. Ritratt meħud minn Google Maps fl-2016 juri l-istess għalqa mingħajr ħajt – jiġifieri din il-problema ilha tippersisti s-snin.

Peress li ġie injorat, Attard tella’ post fuq Facebook fejn tkellem dwar il-problema li qed jaffaċċja.

This is Marsalforn. A rat-infested street which has been reported year after year, summer after summer, but no action is…

Posted by Nathaniel Attard on Saturday, July 18, 2020

“Kien dover tiegħi li nieħu azzjoni” – il-Kunsillier Cordina

Fost il-kummenti fuq Facebook kien hemm dak tal-Kunsillier taż-Żebbuġ Daniel Cordina. Il-lokalità ta’ Marsalforn hija amministrata minn dan il-Kunsill.

Cordina qal li tkellem mal-kollegi tiegħu fi ħdan il-Kunsill biex jaraw għalfejn il-kuntrattur mhux qed jimxi skont ir-rotta ta’ kuljum f’din it-triq. Appella wkoll għall-kooperazzjoni ta’ kulħadd biex tinżamm l-indafa.

Cordina qal lil Newsbook.com.mt li kien dover tiegħu li jieħu azzjoni. Qal ukoll li se jkun qed iressaq f’isem ir-resident. Huwa ċempillu u tkellmu dwar is-sitwazzjoni.

Annimali bħal firien u ġrieden huma assoċjati ma’ għadd ta’ riskji għas-saħħa. Huwa magħruf li jistgħu jferrxu aktar minn 35 marda.

Filmat: Nathaniel Attard
Muntaġġ: Sarah Cassar Dymond