Filmat: Fir-Russja: FC Sochi 10-FC Rostov 1 minħabba l-coronavirus

Logħba futbol fl-ogħla league fir-Russja nhar il-Ħadd li għadda ntemmet bl-iskor kbir ta’ 10-1 meta t-tim ta’ Sochi għeleb lil dak ta’ Rostov. It-telfa kbira hija minħabba l-coronavirus. It-tim tellief qabel il-logħba rriżultawlu li kellu sitt plejers li ħarġu pożittivi għall-marda. Minħabba f’hekk it-tim kollu ntbagħat kwarantina.

Id-diriġenti tal-klabb talbu lit-tim avversarju biex il-logħba ma tintlagħabx imma dawk ta’ FC Sochi ma aċċettawx. Minħabba f’hekk, biex il-logħba ssir, FC Rostov ħarġu jilagħbu bit-tim taż-żagħżagħ li l-età tagħhom kienet bejn is-16 u d-19-il sena.

Meta bdiet il-logħba t-tim ta’ Rostov mar fil-vantaġġ wara biss minuta logħob meta l-plejer tagħhom Roman Romanov ta’ 17-il sena tefa’ l-ballum fix-xibka opposta. B’hekk mhux biss sar l-aktar plejer żagħżugħ fl-istorja tal-klabb li skorja fl-ogħla league tal-futbol fir-Russja, imma wkoll it-tielet l-aktar plejer żagħżugħ fl-Istorja tal-futbol Russu.

Wara dan il-gowl FC Sochi malajr ħadu l-logħob f’idejhom u sal-half-time kienu skurjaw erbgħa u skurjaw ukoll sitta oħra sa tmiem il-logħba biex spiċċat 10-1.

Vasily Utkin, kummentatur sportiv, fuq Youtube kiteb  li “L-Ewropa qed tidħaq bina!”