Filmat: “F’inqas minn 40 minuta ħafna lokalitajiet reġa’ ġiehom id-dawl” – Il-Ministru

Read in English.

Il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli qalet li meta nqatgħet il-provvista tal-elettriku lbieraħ, f’temp ta’ tmien minuti bdew jinxtegħlu l-lokalitajiet biex f’inqas minn 40 minuta, il-maġġoranza tal-lokalitajiet reġa’ kellhom l-elettriku.

Dan qalitu llum meta żaret l-impjanti tal-Enemalta biex tirringrazzja lill-ħaddiema tax-xogħol li wettqu.

Hija qalet li l-ħaddiema tal-Enemalta huma impenjati biex kull meta jkun hemm qtugħ, dan jiġi indirizzat b’mod effiċjenti u effettiv.

Flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Enemalta, l-Inġinier Jason Vella u ċ-Chairman Kevin Chircop, il-Ministru Dalli żaret iċ-ċentri ta’ kontroll tal-Enemalta fil-Marsa u l-impjanti f’Delimara. Hemmhekk hi ltaqgħet ma’ numru ta’ ħaddiema li spjegawlha s-sistemi li bdew jitħaddmu biex il-provvista tal-elettriku madwar Malta u Għawdex tiġi lura għan-normal kemm jista’ jkun malajr.

L-Inġinier Vella spjega kif meta l-Enemalta esperjenzat interruzzjoni fil-provvista mill-istazzjoni fi Sqallija, il-pajjiż kien qed jieħu madwar żewġ terzi tal-provvista mill-interconnector.

“Minħabba sistema ta’ prekawzjoni awtomatika li qiegħda installata fin-network ta’ distribuzzjoni, is-sistema tal-elettriku ġiet interrotta f’ċerti żoni biex tiġi evitata ħsara. L-impjanti li kienu qed jaħdmu bil-provvista tal-gass baqgħu għaddejjin u f’dak il-ħin kienu qed ifornu madwar 100MW ta’ enerġija elettrika. Fi żmien tmien minuti bdiet tiżdied il-ġenerazzjoni tagħhom u nxtegħlu impjanti tal-emerġenza biex fi żmien 40 minuta l-klijenti kollha tal-Enemalta kellhom is-servizz tal-elettriku lura.”