Filmat: “Għandna nagħmlu kuraġġ lilna nfusna” – Eliana

Eliana Gomez Blanco li f’Novembru li għadda rrappreżentat lil Malta fil-Junior Eurovision Song Contest għadha kif nediet kanzunetta bl-isem ta’ Storms Run out of Rain b’lirika ta’ Etienne Micallef u kompożizzjoni ta’ Eliana stess, bi produzzjoni mużikali ta’ Eliana flimkien ma’ Cyprian Cassar.

Din hija l-ewwel single ta’ Eliana bħala kompożitriċi wara li ħadet kors fil-qasam tal-produzzjoni tal-kanzunetti għand Cyprian. It-tema tal-kanzunetta titratta fuq dak li qed jiġri madwar id-dinja bħalissa. Hemm enfasi fuq il-fatt li kelna nitbegħdu mill-familji qrib tagħna però fl-istess ħin fil-chorus nisimgħu messaħħ pożittiv.

F’kummenti lil newsbook.com.mt Eliana qalet li “Għalkemm huwa żmien ikrah, aħna għandna nagħmlu kuraġġ lilna nfusna u lil dawk ta’ madwarna. Huwa importanti li kulħadd jagħmel il-parti tiegħu u nieħdu ħsieb lil xulxin. Diffiċli ħafna iżda irridu nżommu d-distanza bejna u bejn dawk li nħobbu. Importanti li nirrispettaw lil xulxin.”

Hija qaltilna wkoll li “Għadejjin minn żmien ikrah ħafna u b’hekk xtaqt noħroġ diska sabiex inferraħ u ninkoraġġixxi lil dawk kollha għadejjin minn dan iż-żmien ħarex.”