Filmat: Film Taljan maħdum f’Malta fuq Netflix

Read in English.

Għadu kemm inħareġ it-trailer tal-film L’Incredibile storia dell’Isola Delle Rose bis-sehem ta’ Elio Germano, Fabrizio Bentivoglio u Tom Wlaschiha, li se jinħareġ għall-wiri fuq Netflix mid-9 ta’ Diċembru. Parti kbira mill-produzzjoni kienet iffilmjata b’mod estensiv f’Malta fix-xhur li għaddew.

Dan il-film huwa bbażat fuq l-istorja vera ta’ inġinier li fl-1968 bena gżira 11-il kilometru ’l barra mill-Italja u ddikjaraha indipendenti, f’dik li kienet sfida diretta lill-awtorità tal-Istat Taljan. Din l-istruttura artifiċjali kienet issemmiet bħala Repubblica dell’Isola delle Rose.

Il-produzzjoni kienet iffilmjata f’postijiet madwar Malta, bix-xeni kollha fl-ilma u l-baħar miġbuda fit-tankijiet tal-ilma tal-Malta Film Studios.madwar Malta, bix-xeni kollha fl-ilma u l-baħar miġbuda fit-tankijiet tal-ilma tal-Malta Film Studios. Il-film ibbenefika mill-inċentivi tal-cash rebates offruti mill-Kummissjoni Maltija għall-Films, bil-baġit totali f’pajjiżna jkun ta’ madwar €3 miljun.

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli esprimiet sodisfazzjon li kienet attirata produzzjoni oħra tal-ogħla livell lejn il-gżejjer Maltin. Żiedet li l-inċentivi offruti flimkien max-xenarju spettakolari f’nofs il-Mediterran ipoġġi lil pajjiżna fil-quċċata tal-lista għal diversi produtturi meta dawn jagħżlu f’liema post jiġbdu l-produzzjoni
tagħhom.

“Minkejja l-isfidi għall-industrija tal-films u tat-televiżjoni minħabba ċ-ċirkostanzi preżenti, Malta qed tkompli bil-ħidma tagħha biex tattira aktar produzzjonijiet din is-sena u nħares ’il quddiem li nara lil dan is-settur ikompli jirkupra u jikber matul is-sena li ġejja”, saħqet il-Ministru Farrugia Portelli.

Il-Kummissarju għall-Films Johann Grech saħaq, “Ninsabu kuntenti li ospitajna l-ewwel produzzjoni internazzjonali ta’ Netflix fil-Malta Film Studios. Li jkollna produzzjonijiet ta’ livell għoli, kemm fil-Malta Film Studios kif ukoll f’diversi postijiet madwar Malta, jagħmilna vera kburin. Qed naraw il-frott ta’ ħidma għaqlija li qed inwettqu u se nkomplu naħdmu sabiex nattiraw aktar produzzjonijiet ta’ livell għoli bħal dan.”

Dan it-tagħrif twassal mid-Dipartiment tal-Informazzjoni.