Filmat: Film qasir imsejjes fuq kliem Papa Franġisku

Fl-udjenza ġenerali ta’ nhar l-ewwel tas-sena, il-Papa Franġisku tkellem dwar it-tema tal-paċi. Hu tkellem dwar l-importanza li l-bniedem ikollu paċi ma’ Alla, paċi miegħu nnifsu, paċi mal-oħrajn u paċi mal-ambjent ta’ madwaru.

Matul dan il-Milied, is-Soċjetà tal-Museum ippjanat li tipprepara filmat bi storja f’forma ta’ short film, imsejjes fuq dak li semma l-Papa Franġisku. L-iskop ta’ dan kollu huwa sabiex twassal messaġġ adattat għal dawn iż-żminijiet partikolari.

L-istorja ta’ dan il-filmat iddur ma’ raġel anzjan li għalih il-Milied ma jkunx ifisser esperjenza pożittiva. Fil-familja tiegħu jkun daħal id-diżgwit u l-mewt tal-omm ma tkunx għenet biex tirrenja l-paċi fid-dar. L-anzjan jasal biex jeħodha wkoll kontra Alla għal dak kollu li jkun ġralu.

Permezz ta’ album tar-ritratti jibda jiftakar f’memorji differenti. Jerġa’ jiftakar fil-familja kollha tiegħu: it-tfal u n-neputijiet u fil-memorja tal-mara tiegħu u l-paċi li kienet issaltan fid-dar permezz tagħha f’okkażjonijiet fejn id-dar kienet tkun imżejna għall-Milied, bil-Bambin li jkun fiċ-ċentru ta’ kollox.

Bi ftit sforz, l-anzjan jagħżel li javża lill-membri tal-familja li se jkun qed jorganizza l-ikla tal-Milied għall-familja kollha. Dan l-isforz ikun megħjun mill-aċċettazzjoni tas-sitwazzjoni li l-familja tkun fiha u l-preżenza reali ta’ Ġesù fil-ħajja ta’ din il-familja u f’ħajjet dan l-anzjan.

Is-Soċjetà tal-Museum ħadu l-opportunità biex jawguraw il-Milied it-tajjeb mimli bil-paċi skont kif jagħtiha Ġesù Bambin.

Segwi hawn dan il-filmat: