Filmat: Film Malti ieħor fiż-Zebra Poetry Film Festival ta’ Berlin

Read in English.

Għall-edizzjoni li jmiss taż-Zebra Poetry Film Festival li se jittella’ fil-Kino in der KulturBrauerei f’Berlin fil-Ġermanja se jkun hemm il-film Kafè.

Dan il-film tal-poeżija li jipprova jwassal it-test bl-istess isem ta’ Achille Mizzi, bis-saffi ta’ interpretazzjoni li toffri, imma anke permezz tal-ħsejjes li l-versi stess jevokaw.

Kif jgħid il-poeta stess, “Din hija poeżija b’rabtiet mal-affarijiet ta’ kuljum, li jaf bihom kulħadd … imma li għandha motivi li jerfgħu lill-bniedem mill-istat ta’ kuljum, fi sfera letterarja u intelletwali.”

Kafè sar bħala parti mill-proġett Poetry on Film li kien ittella’ bi sħab bejn Inizjamed u l-Fondazzjoni Valletta 2018, bil-koordinazzjoni ta’ Leanne Ellul. Il-kitba u d-direzzjoni tal-film huma ta’ Clare Azzopardi u Kenneth Scicluna.

Kafè huwa t-tieni film Malti fl-edizzjoni ta’ din is-sena taż-Zebra Poetry Film Festival. Il-film l-ieħor huwa Nighttime at the Station (Il-Lejl F’Dan L-Istazzjon).

Il-festival tal-films f’Berlin se jsir bejn id-19 u t-22 ta’ Novembru.