Filmat: Fil-Valletta Summit jintlaħaq qbil fuq pjan ta’ azzjoni għall-immigrazzjoni

Matul il-konferenza tal-aħbarijiet fi tmiem il-Valletta Summit dwar l-immigrazzjoni, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li għalkemm huwa kien kritiku għan-nuqqas ta’ azzjoni meta ntilfu l-ħajjiet, saħaq li huwa kburi li huwa Ewropew għaliex kienet l-Ewropa, l-ewwel li għamlet pass tanġibbli biex tindirizza l-isfida tal-immigrazzjoni.
Tkellem ukoll il-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk, li sostna kif l-aħħar żviluppi fil-Ġermanja, l-Iżveżja u s-Slovenja, fejn reġgħu ddaħħlu l-kontrolli tal-fruntieri, juru biċ-ċar il-pressjoni li l-pajjiżi Ewropej qed jaffaċċjaw.
Enfasizza li rridu nsalvaw ix-Schengen u l-Ewropa tinsab lesta li tirbaħ din l-isfida.
Min-naħa tiegħu, il-President tas-Senegal, Macky Sall, qal li d-dikjarazzjoni milħuqa fi tmiem is-summit hija waħda b’saħħitha. 
Il-mexxejja Ewropej u Afrikani qablu li l-mira ewlenija trid tkun li jiġu salvati l-ħajjiet u li flimkien jindirizzaw il-kaġun ta’ dan fosthom it-terroriżmu u t-traffikar tal-persuni.
Qablu li l-aħjar mod ikun li jingħataw opportunitajiet ġodda ta’ xogħol u tisħiħ tad-drittijiet tal-bniedem liż-żgħażagħ Afrikani.
Għalhekk ukoll ġie ffurmat trust fund li jammonta għal €1.8 biljun, li huwa immirat li jgħin l-ekonomiji tal-pajjiżi li minnhom jitilqu l-ikbar ammont ta’ immigranti.  
Waqt il-Valletta Summit ġiet iffirmata ukoll dikjarazzjoni u pjan ta’ azzjoni li fuqu se jimxu l-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi Afrikani, li ħadu sehem għal dan is-summit. Il-pjan ta’ azzjoni huwa maqsum f’ħames punti prinċipali, li huma mmirati li jindirizzaw l-isfida tal-immigrazzjoni.
Il-mexxejja Ewropej u Afrikani qablu li jindirizzaw b’deċiżjoni l-kawża tal-immigrazzjoni irregolari, li jippromwovu u jorganizzaw metodi legali kif immigranti jkunu jistgħu jidħlu fl-Ewropa b’mod legali, li jsaħħu l-protezzjoni li tingħata lill-immigranti li jkunu qed ifittxu l-ażil, li jiġġieldu t-traffikar tal-bnedmin u li jsaħħu l-koperazzjoni għad-deportazzjoni, ritorn u l-integrazzjoni mill-ġdid tal-immigranti. 
Il-miri ta’ dan il-pjan ta’ azzjoni huma stabbiliti biż-żmien, li fuqu jridu jkunu ħadu azzjoni kemm il-pajjiżi Ewropej kif ukoll Afrikani matul is-sena d-dieħla u dan għandu jwassal għal laqgħa oħra f’Jannar tal-2017, fejn isir skrutinju dal-miri li jkunu ntlaħqu.
Din il-laqgħa se tkun qed issir waqt il-Presidenza ta’ Malta tal-Unjoni Ewropea, meta fuq l-aġenda tal-Presidenza Maltija hemm ukoll l-isfida tal-immigrazzjoni. 

Filmat u Ritratti: Kunsill Ewropew