Filmat: Fil-Milied niffukaw inqas fuq dak li jifridna – Delia

Read in English.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li n-nies għandhom jużaw il-ġranet tal-Milied biex isibu dak li jgħaqqadhom u jiffukaw inqas fuq dak li jifridhom.

Dan qalu f’messaġġ għas-sensiela Milied Flimkien tal-PBS.

“Il-Milied beda f’għar, fil-faqar, b’tarbija li ma setgħux isibu l-ġenituri tagħha fejn ħa titwieled. Allura l-Milied beda fl-iktar sfond fqir possibli. L-umiltà illi minnha bdiet storja, beda passaġġ, rakkont illi ilu għaddej issa eluf ta’ snin. Però fl-isfond ukoll hemm it-tarbija, hemm il-Bambin Ġesù illi jixhed minn fejn beda il-Milied. “Allura il-messaġġi prinċipali tal-Milied rridu nibqgħu nfakkruhom għaliex jagħmluna min aħna, jagħmluna Insara,” qal Delia.

Skont il-Kap tal-PN bil-konsumeriżmu fid-dinja tal-lum wieħed jinsa l-vera messaġġ tal-Milied u jinħela fl-għoti ta’ rigali isbaħ kull sena.

“Wieħed mill-akbar problemi tal-faqar illum, mhux f’pajjiżna biss iżda madwar id-dinja mhuwiex biss il-faqar finanzjarju imma huwa l-faqar tas-solitudni, dawk li qegħdin waħedhom u jaraw u jafu li fiż-żminijiet fejn kulħadd qed jiċċelebra, imorru l-festini, iktar qed tinħass dik is-solitudni. Allura huwa obbligu tagħna bħala persuni, bħala umani illi naqsmu dawk l-mumenti magħhom.”

“Il-Milied huwa wkoll it-tama, it-tama ghal dawk li qegħdin f’sitwazzjonijiet diffiċli. F’pajjiżna hawn ħafna li għaddejjin minn problemi illi verament irridu nagħmlu minn kollox biex ngħinuhom. Imma t-tama hi li bilmod il-mod, ġurnata wara l-oħra eventwalment nistgħu naspiraw, nistgħu ikollna tama, nistgħu noħolmu li nkunu aħjar. Il-gvern u l-istat għandhom l-obbligi tagħhom illi jipprovaw jaħsbu f’kulħadd b’sistemi li jilqgħu kemm jista’ jkun lil kulħadd. Però hemm ukoll is-settur tal-volontarjat, hemm il-qalb kbira, il-ġenerożità tal-poplu Malti u Għawdxi illi kull meta kien hemm il-bżonn, ħabb, ħass, ta, qasam, u ra illi fejn ma tasalx l-id tal-gvern u tas-soċjetà, tasal l-id tal-ġenerozità u tas-solidarjetà.”