Filmat: “Fil-ħajja trid taqdef int, xejn ma jiġi waħdu” – DrLYNN

Came Back for You hija l-aħħar single mnedija minn Dr LYNN b'kollaborazzjoni ma' One Voice Malta.

Il-kantanta Lynn Faure, li llum il-ġurnata qed tuża l-isem ta’ DrLYNN tinsab lura fix-xena mużikali b’kanzunetta li fiha  messaġġ ta’ tama u solidarjetà. 

Il-lirika tal-kanzunetta hija relatata ma’ proċess li jgħaqqad individwi li jaspiraw li jgħixu ħajja aħjar f’sens ta’ spiritwalità. Għal din il-verżjoni tal-kanzunetta, DrLYNN ikkollaborat ma’ Richard Rogers, minħabba li qabel kienet diġà kkomponit u kitbet kanzunetta oħra bl-isem ta’ Came Back li ħarġet fis-sena 2005.  Din il-konnessjoni inspirat lil DrLYNN tħuf għal diversi risposti bi tkun tista’ tkun ta’ servizz aħjar lejn il-kommunità.

Aktar kmieni din is-sena, DrLYNN kienet ħarget il-kanzunetta Treading on Eggshells.  Proprju minn dak iż-żmien ‘l hawn, bdiet tosserva kif il-persuni hemm barra jirreaġixxu għal sitwazzjonijiet diffiċli tal-ħajja. Il-Covid 19 żgur li ġabet aktar bżonnijiet magħha u DrLYNN determinata aktar li sservi fejn hemm l-aktar bżonn għaliex lura fiż-żmien, hija stess kienet għaddiet minn xi diffikultajiet personali, u llum il-ġurnata permezz tal-professjoni tagħha bħala avukat, qed tagħmel dak kollu li tista’ sabiex toffri sapport lil aktar persuni vulnerabbli li tiltaqa’ magħhom.

Permezz tal-mużika u l-arti, DrLYNN ser tibqa’ tesprimi aktar lilha nnifisha fl-aktar mod produttiv billi tinkoraġixxi persuni, speċjalment dawk vulnerabbli sabiex jiddedikaw aktar ħin prezzjuż fuq proġetti li jsaħħu s-saħħa mentali u personali tagħhom.  Permezz tal-edukazzjoni, DrLYNN temmen li wieħed jikseb ħiliet bażiċi biex ikun jista’ jagħmel deċiżjonijiet li jkabbruh u neċessarji biex tul il-ħajja jkun kapaċi jikkumbatti l-ostakli li jrid iħabbat wiċċu magħhom. 

“Fil-ħajja trid taqdef int, xejn ma jiġi waħdu”, ikkummentat Lynn, li fl-2003 irrappreżentat lil Malta fil-Eurovision Song Contest bil-kanzunetta To Dream Again.

Dr LYNN permezz tal-lirika tagħha tgħid li kull ostaklu tal-ħajja jista’ jintgħeleb biss jekk int ikollok ir-rieda t-tajba. Hemm fejn tintela’ b’qawwa kbira.

Illum il-gurnata, Dr LYNN hija avukat stabbilita fil-qasam tagħha fejn tispeċjalizza fiċ-Civil, Child Protection and International Law. Il-pjanu għaliha huwa kollox. 

Filfatt matul il-pandemija żammet ruħha okkupata tikkomponi mużika ġdida, filwaqt li kienet tiffoka u tagħti vuċi lil persuni li jirrikorru għall-għajnuna tagħha, b’mod speċjali hija ffukat biex tkun il-vuċi tat-tfal.