Filmat: “Fil-ħajja naffaċċjaw diversi mumenti li jbiddlulna ħajjitna” – DiggerThings

Broz hi kanzunetta ġdida mill-grupp DiggerThings li żgur se tinżel tajjeb ma’ dawk li jħobbu l-mużika rock bħal AC/DC, Guns N’ Roses u Motley Crue. Il-kanzunetta li ġiet imnedija fl-aħħar ġranet permezz ta’ vidjow mużikali hija kollaborazzjoni ma’ Kersten Graham, artist li qed isir wiċċ u vuċi sinonimu max-xena lokali.

Broz kienet esperiment doppju fejn David Cassar Torreggiani u Kersten Graham kienu ilhom jikkunsidraw u jippjanaw biex jaħdmu fuq kanzunetta oriġinali flimkien. Għal David Depasquale din kienet esperjenza differenti min-naħa ta’ produzzjoni meta tqabbilha ma’ materjal li nħareġ qabel minn DiggerThings. Ir-riżultat finali hija kanzunetta mimlija enerġija.

Il-grupp qalilna li “Fil-ħajja naffaċċaw diversi mumenti li jbbidlulna ħajjitna. Naslu f’punt fejn inħossuna mitlufa u nħossuna b’qalbna maqtugħa. Meta niġu biex niktbu kanzunetta, niġu ispirati minn dawn il-mumenti li jħallu impatt fuqna, kemm jekk kbir kif ukoll żgħir. Il-lirika ta’ Broz infatti hija fuq hekk, fuq mumenti li meta tiftakar fihom tidħak.

“you asked for whiskey…and I gave you cheap wine’’ tirrelata għal mument bejn Kersten u David meta kienu fi triqithom biex imorru idoqqu flimkien u Kersten ingħata r-responsabilità li jagħti l-fuel lill-karozza ta’ David. Il-problema nqalgħet meta Kersten tefa’ petrol meta l-karozza kienet tieħu diesel!

Permezz tal-mużika jirnexxielna nieħdu pass lura u niftakru f’dawk il-mumenti li jnisslulna tbissima. Dak huwa l-qofol tal-blues u r-rock n’roll.