Filmat: Fiera tal-kotba li tinżel għasel mal-qarrejja

Bħalissa għaddejja fiera tal-kotba li qisha ħolma għal kull min iħobb jaqra tant kemm huma rħas il-prezzijiet. Din il-fiera hija organizzata mis-Salesjani ta’ Don Bosco u l-qligħ kollu jmur għall-istitut taż-żgħażagħ tas-Salesjani.

Fr Charles Cini spjega lil Newsbook.com.mt li din il-fiera ilha ssir għal 25 sena, u tinżel għasel mal-qarrejja. Kważi l-kotba kollha jkunu ngħataw lis-Salesjani bħala donazzjoni, għalhekk huma jraħħsu l-prezz.

L-aktar ħaġa li tispikka f’din il-fiera hija s-sezzjoni tal-Melitensia, rikka b’kotba rari li wħud minnhom imorru lura għas-seklu 19. Barra minn hekk, min iħobb l-istorja wkoll għandu firxa wiesgħa ta’ kotba minn fejn jagħżel. Dawk li jħobbu l-letteratura Ingliża għandhom jogħxew bil-qxur bellezza tal-kotba antiki għall-bejgħ, uħud minnhom b’€5 jew inqas.

Fr Cini qal li Don Bosco kien iġiegħel lit-tfal u liż-żgħażagħ jaqraw, u permezz ta’ din il-fiera, is-Salesjani jirnexxilhom iżommu din il-ħeġġa ta’ Don Bosco ħajja.

Huwa ħeġġeġ lil kull min jixtieq li jagħti xi kotba bħala donazzjoni biex jagħmel dan billi joħodhom għand is-Salesjani f’Tas-Sliema. Il-fiera hija miftuħa s’għada, u filwaqt li llum se ddum miftuħa sas-7 ta’ filgħaxija, għada se tiftaħ mid-9 sa filgħodu sad-9 ta’ billejl.