Filmat: Fi 3 ijiem kellna nsiefruh; dis-sena għamel il-quċċija

Daylin li s-sena l-oħra twieled b’toqba f’qalbu, grazzi għall-Istrina u l-Malta Community Chest Fund Foundation (MCCFF), irnexxielu jgawdi għeluq l-ewwel sena tiegħu.

Omm Daylin irrakkuntat kif is-sena l-oħra t-tifel kien gravi ħafna. Spjegat kif li kieku ma ndunawx bit-toqba f’qalb Daylin fil-ħin binha kien imut. Bid-dmugħ f’għajnejha, l-omm żagħżugħa spjegat kif kien ġara kollox f’daqqa. Fi tliet ijiem kellhom isifruh minħabba li kien qed jiggrava ġurnata b’ġurnata.

“Ħassejt qalbi tinqasam biċċa biċċa” – Omm Daylin li twieled b’toqba f’qalbu

F’intervista li kienet għamlet ma’ Newsbook.com.mt, Raissa, omm Daylin spjegat kif fil-bidu taqta’ qalbek u kif għamlet l-ewwel erbat ijiem ma tikolx. Iżda saħqet li ma setgħetx tibqa’ sejra hekk, u għalkemm diffiċli kellha tagħmel kuraġġ,  għax it-tifel kellu bżonnha.

Esprimiet il-gratitudni tagħha għas-sapport li sabu mit-tobba, l-infermiera, familja u ħbieb, fi kliemha anke minn persuni li ma tobsorx li jkunu se jgħinuk. L-operazzjoni kienet suċċess, u issa Daylin għandu molla ħdejn l-arterja ta’ qalbu.

Kylie għamlet 2 trapjanti; illum tagħmel il-ġinnastika

Tista’ tgħin lil tfal bħal Kylie billi tagħmel donazzjoni fl-Istrina fis-26 ta’ Diċembru.