Filmat: “F’ġimgħa tlift żewġ zijiet minħabba l-Covid” – Sebastian

Nafuh dejjem bi tbissima iżda dan il-perjodu xejn ma kien wieħed pjaċevoli għall-kantant Sebastian Calleja, li flimkien mal-familja tiegħu, f’temp ta’ ġimgħa, ġarrab żewġ imwiet minħabba fil-COVID-19.

F’intervista ma’ newsbook.com.mt huwa tkellem dwar il-mewt ta’ zijuh ta’ 54 sena u ommu ta’ 89 sena. Huwa qal li sal-lum il-ġurnata isibuha diffiċċli li jniżżluha li dawn it-tnejn m’għadhomx magħna. Stqarr li meta jmorru fid-dar fejn kien jgħix zijuh kważi tistennieh se joħroġ minn xi kamra.

“Iz-ziju ma kienx kbir u kien b’saħtu. Meta ftaħna l-karozza tiegħu sibna l-kaxxi tal-maskri u sanitizers. Ma kienx xi wieħed li ma jieħux ħsieb,” ikkummenta hu.

Hu spjega li z-ziju kien jieħu ħsieb liz-zija ta’ 89 sena u kienu jgħixu fl-istess residenza. L-anzjana ma kienitx toħroġ mid-dar u kellha kundizzjonijiet ulterjuri. Spjega kif liz-ziju tiegħu l-kudizzjoni tiegħu qalbet għall-agħar qabel ma mar għall-appuntament tal-iswab test u ddaħħal l-isptar biex jitpoġġa fuq il-ventilator.

“Ma konniex preparati li se jċemplulna biex jgħidulna li ħalliena. Kien qed jagħmel progress iżda f’daqqa waħda saħħtu marret lura,” żied jgħid waqt li qal li kemm dam l-isptar ma setgħux jarawh.

“Ma kellniex l-aħħar ċans li nkellmuh qabel miet. Rajnieh qabel dieħel l-isptar iżda ma rajniehx fl-aħħar minuti. Però ħa ritratt qabel ma tpoġġa fuq il-ventilator u dik hija l-aħħar memorja li l-familhja għandha tiegħu,” kompla jgħid.

Minħabba fin-natura tax-xogħol tiegħu Sebastian ikollu jiltaqa’ ma’ ħafna nies u jieħu l-prekawzjonijiet kollha. Mhux l-ewwel darba li kellu jagħmel l-iswab test u jistqarr li beża’ iżda filfatt ma kienx gravi daqs kemm kien immaġina.

“Nieħdu ħsieb tagħna nfusna u ta’ ħaddieħor ukoll,” żied jgħid bħala messaġġ lill-pubbliku filwaqt li jitkellem ukoll dwar il-fatt li llum il-ġurnata, anke meta jkanta fi programm bħal Ħadd Għalik, ikun qed ikanta fi studio vojt.

Segwi l-esperjenza li Sebastian qasam magħna permezz tal-intervista li ssibu fil-filmat f’din il-paġna.