Filmat: Festi u tiġijiet xorta mhux rakkomandati – Fearne

Read in English.

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne saħaq li minkejja li se titneħħa r-restrizzjoni ta’ massimu ta’ folla ta’ 75 persuna li daħlet fis-seħħ minħabba l-pandemija tal-coronavirus, xorta mhux irrakkomandat li jsiru l-festi u tiġijiet.  Enfasizza li d-distanza soċjali tibqa’ importanti.

Għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti waqt konferenza tal-aħbarijiet fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal Qormi, id-Deputat Prim Ministru rrimarka li l-virus għadu fil-komunità u għaldaqstant il-poplu għandu jibqa’ viġilanti u jevita folol kbar.

Id-direttivi l-ġodda jew il-bidliet se jiġu evalwati ladarba jiġu ppubblikati – Kurja

Min-naħa tagħha, il-Kurja qalet li d-direttivi l-ġodda jew il-bidliet fil-leġiżlazzjoni attwali li se jimplimentaw dak li ħabbar il-Prim Ministru lbieraħ, “se jiġu evalwati ladarba jiġu ppubblikati”. Saħqet li sadanittant iż-żewġ djoċesijiet qed ikomplu jimxu mal-kundizzjonijiet attwali dwar il-postijiet ta’ qima, kif maħruġa mill-Ministeru tas-Saħħa u li ġew aġġornati l-aħħar fil-11 ta’ Ġunju.

Il-miżuri ta’ saħħa pubblika jibqgħu jgħoddu dejjem – Fearne

Waqt il-konferenza, li fiha nieda vaċċin b’xejn kontra l-meninġite, Fearne insista li l-miżuri kollha rrakkomandati għas-saħħa pubblika jibqgħu jgħoddu dejjem għal ħafna mard infettiv ieħor.  Fost l-oħrajn semma l-importanza tal-ħasil spiss tal-idejn, distanza soċjali, li min ma jiflaħx jibqa’ d-dar, li jiġu evitati folol kbar u li fejn ikun hemm ammont ta’ nies jibqgħu jintlibsu l-maskri.

Iċċara li ladarba titneħħa l-emerġenza nazzjonali permezz ta’ avviż legali, xorta jibqa’ rakkomandat li wieħed jilbes il-maskra.

Chris Fearne qal li Malta hija parti mill-programm ta’ joint procurement dwar it-tilqima tal-Covid-19, li qed tmexxi l-Kummissjoni Ewropea.

Ilbieraħ il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela, ħabbar fuq l-istazzjon One TV, li mill-Ħadd tneħħa l-istat ta’ emerġenza ta’ saħħa pubblika f’Malta. Stqarr li Malta se tirritorna għan-normalità sħiħa fil-15 ta’ Lulju.