Filmat: Fekruna maqbuda fid-droga nħelset

Il-Gwardji tal-Kosta tal-Istati Uniti qabdu aktar minn dak li kienu qed jistennew meta kienu qed itellgħu kważi seba’ tunnellati ta’ kokaina mill-oċean Paċifiku.
Kif ġibdu l-ħbula biex itellgħu il-pakketti tal-kokaina li nħakmu qed jiġu traffikati fl-Oċean Paċifiku, il-Gwardji tal-Kosta raw fekruna li kienet maqbuda f’għadd ta’ pakketti tad-droga.
Il-Gwardji tal-Kosta kienu għaddejin b’ħidma intensiva ta’ xahrejn mal-forzi tal-ordni biex jgħinu fil-ħidma kontra d-droga.
F’din il-ġurnata, il-ħidma tagħhom wasslithom biex jaqbdu 6,755 kilogramma kokaina imgeżwra f’pakketti apposta biex jibqgħu f’wiċċ il-baħar.
Dawn il-pakketti ntlemħu għall-ewwel darba mill-helicopter tal-interdizzjoni tattika f’komunikazzjoni mal-flotta navali tal-Kanada.
L-ekwipaġġ abbord il-flotta navali neħħew ‘il fuq minn 20 metru ta’ ħbula li kienu mdawrin mal-fekruna biex din inħelset.