Filmat: Fejn spiċċaw il-persuni evakwati mir-razzett?

Uħud mill-persuni li ‘lbieraħ spiċċaw evakwati mir-razzett li kien qed jinkera illegalment spiċċaw fit-triq. F’kummenti li ta lil Newsbook.com.mt Mons. Alfred Vella mill-Kummissjoni Emigranti qal li sar kuntatt miegħu li infurmah li l-immigranti spiċċaw fit-triq. Il-persuna qaltlu li ngħataw flixkien tal-ilma u staqsa x’jista’ jsir biex jgħinu dawn il-persuni. Il-Mons. Vella qal li ssuġġerilu jkellem lil l-Aġenzija għal Ħarsien ta’ Persuni li qed ifittxu l-Ażil (AWAS) u jekk dawn ikunu jistgħu jgħinuhom jintbgħatu Ħal Far.

Meta mistoqsi dwar is-sitwazzjoni l-Mons. Vella ddeskriviha bħala “preokuppanti ħafna” hekk kif f’razzett is-soltu nsibu annimali mhux nies. Huwa saħaq li razzett irranġat bħal farmhouse huwa tajjeb iżda jidher ċar li f’dal-każ ma kienx hekk.

Meta mistoqsi dwar jekk jafx dwar sitwazzjonijiet simili, il-Mons. Vella wieġeb li ma jeskludi xejn hekk kif ir-raġuni tibqa’ l-kwistjoni tal-kera li tagħmel is-sitwazzjoni diffiċli ħafna għall-kulħadd fi kliemu.

Huwa semma n-nies li joqgħodu f’garaxx li ma għandhomx arja għajr għall-bieb tal-istess bieb tal-garaxx.

Ilbieraħ l-Awtorità tal-Ippjanar għalqet razzett f’Ħal Qormi wara li nstab li kienu qed jgħixu ammont ta’ ħaddiema barranin b’mod abbużiv.

Newsbook.com.mt bgħatt mistoqsijiet lill-Awtorità tal-Ippjanar, lill-Pulizija kif ukoll l-iSegretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes.