Filmat: Fejn kien Muscat xħin inqatlet Daphne?

Read in English.

Il-ħin fuq filmat ta’ konferenza tal-aħbarijiet fil-jum u l-ħin li ġiet assassinta l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia jikkontradixxi parti mix-xhieda li ta nhar it-Tnejn li għadda Keith Schembri, l-eks Chief of Staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat.

Skont il-ħin tal-filmat, fil-ħin li nqatlet il-ġurnalista, Joseph Muscat kien qed jagħti kummenti lill-midja wara konferenza, u mhux f’Kastilja ma’ Keith Schembri, kif xehed l-eks Chief of Staff.

Il-filmat ġie sottomess fil-Qorti dalgħodu minn Dr Peter Caruana Galizia, l-armel tal-ġurnalista assassinata, fl-inkjesta pubblika dwar l-assassinju tagħha. Il-filmat instab minn riċerka li wettaq iben il-ġurnalista, Matthew Caruana Galizia.

Fil-Qorti, Peter Caruana Galizia jispjega li fis-57 sekonda, wieħed jista’ jara d-data u l-ħin ta’ xħin kien qed jiġi ffilmjat Muscat. Kien Tas-Sliema fit-3.13pm fis-16 ta’ Ottubru, 2017. Silvio Schembri, Julia Farrugia Portelli u Chris Cardona, dakinhar Segretarji Parlamentari u Ministru rispettivament, kienu hemm ukoll. Keith Schembri ma deherx f’dan il-filmat, li jinsab ukoll fuq YouTube.

Daphne Caruana Galizia ġiet assassinata fis-16 ta’ Ottubru 2017 hekk kif splodiet bomba li tpoġġiet fil-karozza li kienet qed issuq, ftit wara t-3pm, ftit metri ‘l bogħod minn darha fil-Bidnija.

Nhar it-Tnejn li għadda, fix-xhieda tiegħu fil-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra Yorgen Fenech, akkużat b’kompliċità fl-assassinju, Keith Schembri qal li meta sema’ bil-bomba, hu kien ma’ Joseph Muscat u ma’ Kurt Farrugia, dakinhar il-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Kastilja. Schembri qal ukoll li dak il-ħin irċevew telefonata mingħand Ivan Falzon, dakinhar Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei, li qalilhom li kien hemm splużjoni f’Burmarrad. Qal ukoll li l-Prim Ministru għamel telefonati biex jiċċekkja dwar missieru li għandu kamra tan-nar f’Burmarrad. Schembri xehed ukoll li Falzon ċemplilhom ftit minuti wara biex jgħidilhom li l-isplużjoni seħħet il-Bidnija u li probabbilment kienet ikkawżata b’bomba f’karozza.