Filmat: Fearne ma jweġibx lill-istudenti dwar Barts

Read in English.

Studenti mill-Kunsill Studenti Universitarji (KSU) u mill-Assoċjazzjoni tal-Istudenti tal-Mediċina (MMSA) għadhom qed jistennew tweġiba mill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne dwar talbiet li huma għamlulu f’April li għadda.

F’konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-Common Room tal-Università, ir-rappreżentanti tal-istudenti qalu li f’April li għadda ltaqgħu mal-Ministru biex jassigurahom li l-istudenti ta’ Barts ma jużawx ir-riżorsi li diġà huma limitati fl-isptar Mater Dei. Qalu li kellhom jirċievu tweġiba wara ħmistax iżda sal-lum baqgħu mingħajr assigurazzjoni.

Omar Chircop, il-President tal-MMSA qal li mis-7 ta’ Ottubru li ġej, studenti li jattendu fl-iskola medika ta’ Barts se jibdew jużaw l-isptar Mater Dei għat-tagħlim. Spjega li dan b’detriment għall-membri tagħhom fl-Università ta’ Malta u anki b’detriment għall-pazjenti għaliex il-porzjon ta’ studenti ma’ pazjenti se jiżdied. Dan jista’ jwassal li aktar studenti jkunu qed jinvistaw lill-pazjenti f’Mater Dei.

Waqt il-konferenza li għaliha kien hemm preżenti għadd ta’ studenti mill-Fakultà tal-Mediċina, Chircop qal li huwa ġie kkuntattjat personalment mill-Ministru aktar kmieni llum fuq il-mobile personali tiegħu. Qal li l-affarijiet ma jsirux b’dan il-mod u qal li t-talbiet li ġew diskussi fil-laqgħat ta’ April għadhom jgħoddu.

William Farrugia, il-President tal-KSU qal li l-istudenti għandhom dritt li jiddiskutu dawn il-materji mal-Ministeru fl-implimentazzjoni tal-politika li qed iħaddan. Fisser li l-investiment fl-edukazzjoni medika f’Malta huwa tajjeb iżda qal li m’għandux issir għad-detriment tal-istudenti li huma fl-Università ta’ Malta.

Il-Kunsill Studenti Universitarji ilu għal dawn l-aħħar xhur jaħdem permezz ta’ taskforce biex ġew ifformalizzati t-talbiet tal-istudenti u ntbagħtu bil-miktub lill-Ministru Chris Fearne.