Filmat: Fearne ma jgħidx fuq xiex qed jinnegozja ma’ Steward

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne għadu mhux qed iwieġeb bi sħiħ dwar in-negozzjar fl-emendi fil-kuntratt bejn il-Gvern u Steward Health Care.

Mistoqsi mill-ġurnalisti dwar in-negozjati li qed isiru dwar il-ftehim, Fearne qal li hemm diskussjonijiet dwar kif l-isptar ta’ Għawdex jista’ jieħu servizzi li Steward Health Care toffri fl-Amerka. Qal li dawn is-servizzi ma kienux fil-concession agreement. Żied jgħid li meta ġew Malta, Steward daħlu bil-ftehim li kien hemm mal-Vitals Global Healthcare (VGH). Fearne ma eskludiex b’mod kategoriku li se jkun hemm emendi fil-kuntratt dwar affarijiet li ma jinkludux żieda fis-servizzi.

Newsbook.com.mt staqsa lil Fearne permezz ta’ imejl dwar meta bdew it-taħdidiet biex jiġi emendat il-kuntratt. Staqsa wkoll liema partijiet mill-kuntratt se jinbidlu u jekk hemmx il-ħsieb li t-tibdil sħiħ jiġi ppubblikat kollu, bil-kontra tal-kuntratt oriġinali.

Fearne qal li “matul il-ġimgħat li għaddew saru diversi laqgħat biex ikun massimizzat il-potenzjal li Steward Healthcare jista’ jġib lis-settur tas-saħħa f’Malta permezz tal-partnership agreement.”

Illum Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li se jkun hemm żieda fil-pagi tal-infermiera u l-qwiebel. Dan qalu waqt konferenza tal-aħbarijiet wara l-iffirmar ta’ ftehim settorjali mal-Unjin tal-Infermiera u l-Qwiebel Maltin (MUMN).

Il-Ministeru għas-Saħħa kien ċaħad b’mod kategoriku li Steward Healthcare se jħallu l-operat tal-isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Riċentament fi stqarrija l-Ministeru qal li dak li qal fil-Parlament id-Deputat f’isem l-Oppożizzjoni Chris Said ma kienx minnu, jiġifieri li Steward Health Care kienu se jħallu l-operat tal-isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Il-Ministeru saħaq li Steward la se jħallu l-Operat ta’ Għawdex u lanqas ta’ Malta. 

17 Black

Fearne kien mistoqsi wkoll dwar l-aħħar żviluppi b’rabta mal-kumpanija 17 Black, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u tal-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi. Fearne qal li fil-passat kien hemm kritikia fuq l-istituzzjonijiet li allegatament ma kienux qed jagħmlu xogħolhom. Qal li dan kien jinkwetaħ. Żied jgħid li issa jidher li l-kritika “ma kienetx ġustifikata”.

Fearne saħaq li “kien hemm pressjoni qawwija” biex l-istituzzjonijiet jagħmlu xogħolhom. Żied jgħid li jidher li ma kienx hemm bżonn din l-pressjoni “għax ix-xogħol kien qed isir waħdu”. Qal li issa wieħed għandu jistenna l-eżitu ta’ dak li qed isir.